top of page
kalc.png

Kont taf li l-Masġar ta’ San Klement inbeda mill-Għaqda tagħna?


Ftit jafu li l-Masġar ta’ San Klement, wieħed mill-akbar spazji ħodor fin-naħa t'isfel ta' Malta, għandu l-għeruq tiegħu marbutin mal-għaqda tagħna. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, r-radam u l-fdalijiet tal-bini fil-Kottonera ntefgħu fil-foss ta’ madwar is-swar tal-Kottonera, inkluż fil-foss ta’ Ħaż-Żabbar. Biex l-ispazju ma jibqax mimli b’materjal ta' kostruzzjoni, ġiet miżjuda l-ħamrija u mħawla għadd ta' siġar. 


Fil-bidu tas-snin sebgħin, l-E.T. Agatha Barbara, dak iż-żmien Ministru tal-Edukazzjoni u l-Kultura, ħadet inizjattiva sabiex dan il-foss jinbidel f’ġnien miftuħ għall-familji. Fil-ġurnata tat-tnedija, nhar is-Sibt 11 ta’ Diċembru 1971, hija uffiċjalment għaddiet ir-responsabbiltà tal-proġett lill-għaqda tagħna, dak iż-żmien taħt it-tmexxija tal-President Karmenu Ellul Galea.


Tul is-snin, il-manutenzjoni tal-masġar kienet ta' sfida kbira, kemm finanzjarjament kif ukoll loġistikament. Illum, dan l-ispazju qiegħed jitgawda minn bosta familji grazzi għall-ħidma tal-aġenzija governattiva Project Green, li żżommu nadif, sigur u aċċessibbli għall-pubbliku.


Bħala tifkira simbolika u biex tinżamm il-konnessjoni storika tal-Għaqda ma’ dan il-post, f’Jannar tal-2023 l-għaqda ħawlet 140 siġra ġdida biex tfakkar il-140 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha. Dawn is-siġar illum qed jikbru b’saħħithom u jsebbħu sezzjoni sabiħa tal-masġar.

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2024 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@ZABBAR.ORG.MT

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram
bottom of page