Stennija għal Festa Mimlija Inizjattivi, Attivitajiet u Sorpriżi
- Zabbar.MT Team
- Jul 28
- 2 min read

Ilbieraħ, is-soċi tal-Għaqda tagħna approvaw programm estensiv ta’ attivitajiet, inizjattivi u sorpriżi li ser jiffurmaw parti mill-festa ta’ din is-sena. Programm imfassal b’għaqal u entużjażmu, li jirrifletti mhux biss l-imħabba lejn it-tradizzjoni, iżda wkoll ix-xewqa kontinwa li l-festa Żabbarija tkompli tikber u tiġġedded.
Matul dawn l-aħħar snin, l-Għaqda tagħna ħadmet bla heda biex tkabbar u ssaħħaħ il-festa – mhux biss bħala espressjoni reliġjuża u kulturali, imma wkoll bħala esperjenza komunitarja li tinvolvi lil kulħadd, mill-iżgħar sal-anzjan. Il-festa Żabbarija llum tinfirex fuq perjodu ta’ xahar sħiħ, b’attivitajiet mifruxa fuq diversi ġranet li jħaddnu l-qalb u r-ruħ tal-komunità kollha.
Din is-sena l-attivitajiet se jibdew il-Ġimgħa 8 ta’ Awwissu, meta jinbeda l-programm imħejji għal din l-edizzjoni tal-festa. Mill-ewwel ġurnata, se jkunu qed jiġu ppreżentati inizjattivi ġodda u attivitajiet varjati f’attività mmirata għal kulħadd.

Tiġdid sinifikanti se jidher wkoll fl-attivitajiet ta’ qabel il-festa. Inizjattivi uniċi – li bħas-soltu l-Għaqda tkun minn tal-ewwel li tintroduċi fil-festi Maltin u Għawdxin. Id-dettalji ta’ dawn is-sorpriżi se jibdew jitħabbru tul din il-ġimgħa.
Il-marċ il-kbir ta’ San Mikiel, f’Jum il-Banda San Mikiel, ukoll mistenni jkompli jissaħħaħ u jiġġedded.
Għaddejja wkoll ħidma intensiva biex tkompli tissaħħaħ il-ġimgħa tal-festa fejn f’dawn l-aħħar snin rajna progress sostanzjali bil-festa, mhux biss tkompli tikber, iżda tiġbed lejn l-imsieraħ tagħna eluf li jingħaqdu magħna lkoll.

L-Għaqda qed taħdem ukoll biex f’dak kollu li jsir, mhux biss titjieb il-kwalità artistika, iżda wkoll il-livell ta’ sigurtà, organizzazzjoni u ordni – element essenzjali għal festa moderna li tħares ’il quddiem b’responsabbiltà u professjonalità.
Il-qofol tal-festa jintlaħaq bil-merħba Marjana li tingħata lill-Ommna tal-Grazzja fl-imsieraħ Żabbarin. Din is-sena wkoll, se naraw tiġdid u tisħiħ f’din l-okkażjoni tant għażiża għalina, sabiex il-Madonna tkompli tingħata merħba xierqa u denja f’dan il-jum li jiġbor fih devozzjoni, emozzjoni u unur għall-identità Żabbarija.
Żommu ruħkom aġġornati bl-attivitajiet kollha u ngħaqdu magħna f’din l-isbaħ festa tal-kalendarju Żabbarin. Ejjew nagħmlu minn dan ix-xahar wieħed li ma jintesiex!

Comments