Interess kbir għall-flokk nostalġiku ta’ San Mikiel li reġa’ ngħata l-ħajja
- Zabbar.MT Team
- 2 days ago
- 1 min read

Din il-ġimgħa, il-Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti nediet uffiċjalment il-flokk għall-Marċ il-Kbir ta’ San Mikiel, f’għażla li qanqlet sentimenti nostalġiċi fost il-partitarji Żabbarin. Id-disinn tal-flokk huwa replika ta’ wieħed storiku li kien ferm popolari matul is-snin 80 u l-bidu tas-snin 90.

Il-flokk għandu qafas abjad b’kmiem ħodor, u fin-nofs il-pittura klassika tal-artist Taljan Guido Reni flimkien mal-kitba "Banda Popolari San Mikiel". Dan id-disinn kien magħruf sew fost il-partitarji bajdisti, u kien jintuża mhux biss waqt il-ġimgħa tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja, iżda wkoll matul il-festa liturġika ddedikata lill-qaddis protettur.
Il-popolarità ta’ dan il-flokk kienet tant kbira li, għalkemm oriġinarjament ħareġ fl-1982, baqa’ jinbiegħ u jintlibes sa kmieni fis-snin 90. Fost l-aktar tifkiriet speċjali, ħafna jiftakru dan il-flokk waqt l-ewwel vjaġġ tal-Banda San Mikiel barra minn Malta, meta ħadet sehem fil-festa fi Trecastagni, Sqallija.
Fatt interessanti dwar dan il-flokk huwa li, dak iż-żmien, il-flokkijiet ma kinux jinbiegħu biss mill-każin, kif inhu aktar komuni llum, iżda kienu wkoll disponibbli f’diversi ħwienet madwar Ħaż-Żabbar.

Illum, dan il-flokk qed jerġa’ jingħata l-ħajja grazzi għall-inizjattiva tal-Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti, li qed toffri lill-partitarji ċans jerġgħu jilbsu simbolu li jġorr miegħu tant storja u għaqda komunitarja.
Il-flokk uffiċjali jista’ jiġi ordnat fuq in-numru 77902396 jew online fuq www.zabbar.green/shop.
Comments