top of page

Il-Karnival Żabbari


M’hemmx l-iċken dubju li l-jiem tal-Karnival kienu minn mijiet ta’ snin ilu, l-iżjed jiem ta’ xalar, divertiment, tbaħrid u ta’ briju għall-poplu ta’ dawn il-gżejjer. Ħaż-Żabbar, bħal ħafna postijiet oħra, kellu u għad għandu wkoll il-Karnival tiegħu. Bħal kull ħaġa oħra, il-Karnival, kellu jaddatta u jinbidel maż-żminijiet. Din il-kitba xtaqt naqsamha fi tlieta, billi nsemmi kif kien jiġi ċċelebrat fl-imgħoddi, kif ilħaqtu jien fi tfuliti u kif qed jiġi organizzat illum il-ġurnata.


Karmenu Ellul Galea f’kitba li jisimha “Karnival Żabbari ta’ Tfuliti” li dehret fil-pubblikazzjoni “Storja u Kultura Ħaż-Żabbar” (2019), jirrakkonta kif kien jiġi ċċelebrat il-Karnival bejn l-1928 u l-1933. Ellul Galea jsemmi li: “Il-Ħadd kien ikun il-bidu tas-saltna tal-bluha. Ħafna ħwienet, minn ġranet qabel, kien ikollhom imdendla għall-bejgħ, maskri, trumbetti, sfafar, ċinetti u kpiepel tawwalin għamla ta’ lembut. Uħud mill-armaturi kienu jkunu mimlija bi fliexken tal-perlini kkuluriti. F’Ħaż-Żabbar kellna ħanut armat apposta bil-maskeruni u kostumi tal-Karnival għall-kiri. Kien ta’ ċertu Tanti li kien joqgħod ftit passi bogħod, minn fejn jinsab il-Każin tal-Banda San Mikiel. Kienu jinkrew għal ġurnata waħda biss, jew għall-jiem kollha tal-Karnival.


Il-Ħadd filgħodu, ħafna rġiel u żgħażagħ, kienu jitilgħu fil-Każini, fil-ħwienet jew f’salib it-toroq fejn hemm l-istatwa tal-Madonna. M’hemmx għalfejn ngħidu, li minn kmieni, wieħed kien jibda jbill griżmejh u jlegleg ‘il-qatra tal-karnival’. ’L hawn u ’l hinn kont tilmaħ tfal żgħar lebsin ta’ pjerotti, baħrin, reġina u gosti oħra milli jħobbu n-nisa tagħna. Għax iż-żgħar, tlibbishom kif tlibbishom, dejjem jisirqu l-ammirazzjoni u l-ħarsa tal-kbar. Mas-siegħa u nofs u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar tal-Ħadd, kien jibda l-veru Karnival. Ġemgħat ta’ nies lebsin bil-maskeruni kienu l-kumpaniji ta’ dari. Min liebes ta’ xitan b’libsa ħamra kollha u bil-foxxna f’idu, u min ta’ ‘ruħ’ imgeżwra f’liżar abjad u b’għajnejh bilkemm jidhru. Oħrajn kienu jilbsulek ta’ ‘mewt’ b’dik ir-ras kerha u mgħaddma tgħidx kemm kienu jbeżżgħu u jwerwru t-tfal. Dawn kienu maskeruni kbar tal-kartapesta b’ras kbira daqs hawn, fuq ilbiesi twal wesgħin bħal tan-nisa. Kien hemm ukoll ilbiesi oħra li konna ngħidulhom ‘domino’ għax bihom kienu jkunu qishom paljaċċi.



Iżda l-aktar li kienet tiġbor u tiġbed in-nies kienet il-Banda. Il-Banda ġeneralment kienet toħroġ il-Ħadd u fl-aħħar jum tal-Karnival, waranofsinhar. Kienet iddoqq marċi li konna nsejħulhom ‘ballabbli’. Marċi brijużi bin-nies jiżfnu u jaqbżu quddiem il-Banda. Ħafna mill-bandisti kienu jilbsu lbies tal-Karnival u jiżbgħu wiċċhom. U t-tfal, żgħażagħ u xjuħ, kulħadd jogħla u jiżżufjetta mill-aħjar li jaf. L-għannejja bil-kitarri fuq il-karozzini, karettuni, jew bil-mixi, kien fihom x’tara wkoll. Kienet attrazzjoni tassew sabiħa u li tferraħ lill-poplu. Ħafna minnhom kienu jkunu lebsin ta’ maskerati u lbies ieħor antik, jew tad-daħk. U aħna t-tfal, tgħidx kemm konna nitilqu niġru malli naraw ġejjin taċ-ċirimella, biż-żaqq u ż-żafżafa, idoqqu kemm jifilħu b’ċorma nies jiġru magħhom. Dik id-daqqa għaġġelija u meqjusa kienet tnissel fina ferħ u spirtu karnivalesk.” B’kitbietu Karmenu Ellul Galea, jgħallimna ħafna fuq l-imgħoddi, lilna, li m’għexniex dan il-perjodu.



Jien niftakar xort’oħra ta’ Karnival, li kien differenti minn tal-lum, apparti li kienu jieħdu sehem ħafna nies. Qed nirreferi għall-aħħar tas-snin sebgħin u l-bidu tas-snin tmenin tas-seklu l-ieħor. Triq is-Santwarju kienet tkun miżgħuda b‘ħafna nies fuq iż-żewġ bankini, bit-tfal u ż-żgħażagħ lebsin xi kostum, iwaddbu u jisparaw l-ilma. Kien ikun hemm speċi ta’ trakk bil-vaguni li kien joqgħod idur bit-tfal. Kienu jieħdu sehem bosta karrijiet u anki maskaruni bis-sehem tal-baned Żabbarin li kienu jalternaw bejniethom kull sena. Però mal-bidu tal-millennju l-ġdid, l-interess beda jonqos u ma baqgħux jiġu aktar karrijiet. In-nies naqsu bil-konsegwenza li l-Karnival tilef is-saħħa li kellu. Mat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, il-Karnival bdew jieħdu ħsiebu l-Kunsilli nfushom. Tapprezza l-ħidma li titwettaq mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar biex iżomm din it-tradizzjoni ħajja. Illum għadna nistgħu ngawdu l-parteċipazzjoni tal-baned Żabbarin li jalternaw kull sena bejniethom. Kollox jibda minn Triq is-Santwarju fejn jieħdu sehem xi kumpaniji taż-żfin, kif ukoll xi maskaruni li wara jagħtu esebizzjoni f’xi waħda mill-Pjazez Żabbarin. Magħhom jingħaqdu wkoll bosta ġenituri u qraba ta’ dawn it-tfal u ż-żgħażagħ, li jkunu qed jieħdu sehem fiż-żfin. Dan kollu jgħin biex ikun hemm attendenza tajba, imma xorta jibqa’ l-fatt li n-nies qabel, kienet tattendi iżjed bi ħġarha.


Jien nammira l-isforzi li jsiru minn dawk kollha involuti, inkluż il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Dejjem inżommu f’moħħna li llum hawn kompetizzjoni kbira fejn din iċ-ċelebrazzjoni Karnivaleska qed tiġi mtella’ f’ħafna postijiet madwar gżiritna u allura n-nies tispiċċa tinfirex, apparti li l-kumpaniji taż-żfin u l-karrijiet ma jistgħux ilaħħqu ma’ kullimkien. Permezz ta’ din il-kitba rrid infaħħar ukoll lill-kumpanija Dreamteam Carnival li hija kumpanija Żabbarija għax-xogħol li jagħmlu, filwaqt li jirrappreżentaw lil beltna.


Naħseb li l-Karnival biex jerġa’ jibda jikber u jiġu n-nies għalih, iridu jibdew jieħdu sehem il-karrijiet u jkun hemm aktar kumpaniji taż-żfin. Suġġeriment ieħor ikun forsi t-tibdil tal-ġurnata tal-Ħadd, biex ma taħbatx m’attivitajiet oħra. Dawn huma suġġerimenti biss biex il-Karnival jerġa’ jikber fl-istatura tiegħu.



Għalkemm m’iniex xi dilettant tal-Karnival, però napprezza l-ħidma u s-sagrifiċċji li jsiru minn ħafna volontiera li jgħallmu ż-żfin lit-tfal u ż-żgħażagħ, jagħmlu l-ħjata tal-kostumi u jagħmlu sena jaħdmu fuq karru; hekk kif dik is-sena stess kif jgħaddi l-Karnival, ikunu diġà ħejjew il-pjanijiet biex jaħdmu fuq il-karru li jmiss. Tajjeb li xi darba dawn in-nies li ilhom jiġu mwiegħda villaġġ Karnivalesk, ikollhom dil-ħolma mwettqa, ħalli jkollhom fejn jaħdmu. It-tbatija u l-ispejjeż li jagħmlu huma kbar ħafna. Fl-opinjoni tiegħi, ħamest ijiem Karnival huma ftit wisq għax-xogħol kollu li jsir, biex ma nsemmiex ukoll it-temp, fejn iktar iva milli le, ma tantx ikun favurihom.


Bla ebda dubju li l-jiem tal-Karnival iservu biex il-poplu jaljena rasu mir-rutina ta’ matul is-sena. Grazzi lil dawk kollha li għadhom jaħdmu biex din it-tradizzjoni ta’ pajjiżna mhux biss tkompli għaddejja, iżda tissaħħaħ ukoll.


Ritratti - Joseph Vella, Malcolm Schembri

Recent Posts

See All
AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page