Qatt Smajt bil-Kliem Pupress, Sarsi jew Labarda?
- Zabbar.MT Team
- Jul 23
- 1 min read
Fi żmien il-festi, l-armar tal-bliet u l-irħula Maltin isebbaħ l-ibliet u l-irħula tagħna, mhux b'inqas f'Beltna. Tradizzjoni li għadha ħajja, mhux biss fil-każini iżda wkoll f'ħafna djar Maltin, huma l-arbli fuq il-bjut.

Imma qatt smajt bil-kliem pupress, sarsi jew labarda? Dawn huma parti essenzjali mill-armar tal-arbli.
Il-pupress hija kanna ħoxna tal-ħadid jew tista tkun tal-injam li tisporġi ’l barra miċ-ċinta tal-bejt u sservi biex iżżomm l-arblu stabbli. Fl-aħħar tagħha ssib il-labarda, ornament żgħir tal-ħadid jew ram li jżejjen it-tarf tal-pupress. Il-labarda, apparti li tagħti dehra sabiħa, tgħin biex wieħed mis-sarsi – jiġifieri l-ventijiet tal-arblu – jintrabat magħha sabiex iżomm l-arblu wieqaf u dritt, speċjalment jekk ikun twil.
L-arblu jkun ukoll imżejjen b’frontispizju, struttura tal-ġebel taħtu b’riljiev jew skultura. Fuq nett tal-arblu ħafna mid-drabi kien jitqiegħed pinnur, globu jew simbolu ieħor relatat mal-patrun tal-festa.
Il-bnadar li jitilgħu mal-arblu wkoll għandhom sinifikat skont il-ġurnata u ż-żmien preparatorju għall-festa. Matul it-tridu jew in-novena, jitilgħu bnadar reliġjużi jew nazzjonali, u fl-aħħar jiem tal-festa, jitilgħu bnadar relatati mal-patrun jew patruna jew inkella dawk indikattivi għall-banda li magħha jappartjeni sid id-dar.

L-arbli fuq il-bjut tal-każini u d-djar Maltin jagħtu identità unika lill-pajjiżna u juru kemm hi għanja t-tradizzjoni tagħna.
Comentários