Illum il-Banda San Mikiel qed tfakkar 30 sena mill-ewwel mawra tagħha barra l-pajjiż. L-esportazzjoni tat-talent, l-arti u l-kultura Maltija hija diffiċli llum, aħseb u ara tletin sena ilu meta r-riżorsi u l-kuntatti kienu ferm inqas. Madankollu l-Banda San Mikiel qatt ma qatgħet qalbha. Il-fatt li hija waħda mill-aqwa baned f’Malta, magħmula minn bandisti tal-post u mużiċisti ta’ kwalità, dan jagħtina spinta biex inkunu ambaxxaturi denji ta’ pajjiżna u nkunu mistiedna għall-eżekuzzjonijiet mużikali barra minn xtutna. Huwa ta’ unur għalina li l-Banda San Mikiel hija l-iktar banda Maltija li daqqet barra l-pajjiż, bi 12-il safra fi 30 sena!
F’din l-okkażjoni ferm importanti, tkellimna mas-Sur Lawrence Buhagiar li kien President bejn l-1988 u l-1997, fejn fi żmienu nibet il‑ħsieb li l‑Banda tagħmel l-ewwel mawra tagħha barra l-pajjiż. "Kien ġie Malta, l‑organizzatur tal‑festa ta’ Tre Castagni, is‑Sur Giovanni Pasqualino, li kellu kuntatt mas‑Sur Norman Hamilton. Dawn xtaqu banda Maltija biex tieħu sehem fil‑festi ta’ Tre Castagni. Hamilton ikkuntattja lill‑kaxxier ta’ dak iż‑żmien, Ġużeppi Barun, fejn wara ddiskutejnieha f’Kumitat u ddeċidejna li mmorru. Is‑Sur Lorry Schembri ħa l‑inkarigu li jgħaqqad il‑banda, fejn magħha ngħaqdu ħafna nies," qalilna s‑Sur Lawrence Buhagiar. Dan kien il‑bidu tad‑diversi mawriet li l‑Banda San Mikiel għamlet barra l‑pajjiż.
L-ewwel safra kienet ġewwa Tre Castagni, raħal pittoresk fi Sqallija, fejn il‑Banda pparteċipat għall‑festi tat‑tliet aħwa Qaddisin Martri San Alfio, San Cirino u San Filadelfio. Dan seħħ mis‑7 sat‑12 ta’ Mejju tal‑1991. Matul dawn il‑festi l‑Banda San Mikiel, apparti marċi mat‑toroq ewlenin, esegwiet ukoll tliet Programmi Mużikali. "F’din il‑mawra ħadu spinta kbira Kevin Abela u Dennis Camilleri, fejn għamlu solijiet u ntlaqgħu b’applaws kbir. Tant in‑nies ħadu pjaċir bil‑Programm, li s‑surmast intalab biex jerġa’ jdoqq silta minnu. Pasqualino tant ħa pjaċir bina, li ġie hu u l‑familja għall‑Festa tal‑Madonna tal‑Grazzja u segwewha minn fuq il‑każin tagħna u baqa’ f’kuntatt sabiħ mal‑familja tagħna," qalilna Lawrence Buhagiar.
Meta l-Banda ġiet lura Malta, intlaqgħet b’ferħ kbir. Il-partitarji li telgħu mal-Banda, flimkien mal-Bandisti, tkellmu dwar l-esperjenza sabiħa li din il-mawra ħalliet fuq kull parteċipant. Biex titfakkar din l-okkażjoni speċjali, inkiteb marċ minn Mro Archibald Mizzi, ‘L-Ewwel Banda Żabbarija fi Sqallija’, marċ uniku li huwa propjetà tal-Għaqda tagħna biss.
B’kommossjoni, is-Sur Lawrence Buhagiar għalaq dan il‑kapitlu fl‑istorja tal‑Banda tagħna billi qal, "Ħadna wisq gost dik id‑darba!" Aħna minn qalbna nirringrazzjaw lil dawk kollha li ħadmu biex il-Banda tagħna setgħet issemma leħinha barra minn xtutna kemm fl-ewwel mawra u f’kull darba oħra li l-Banda San Mikiel daqqet barra l-pajjiż!