X’rabta għandu Sant’Andrija ma’ Ħaż-Żabbar?
- Manuel Abdilla
- Jun 18
- 2 min read

Lil Ġużeppi Magro, is-sagristan, bosta nies ta’ ċertu età jiftakruh. Id-djarju tiegħu iżda ftit jafu bih. Dan mhuwiex xi djarju tas-sigrieti. Fih wieħed isib sensiela ta’ noti biex minn sena għal oħra jiftakar xi jrid jarma u x’moti jrid idoqq. Filwaqt li nistgħu nispekulaw għaliex sar, seraqli l-attenzjoni l-fatt li l-knisja tagħna kienet tiċċelebra lil Sant’Andrija. Kif jaqra l-istess djarju:
“Fil 29 ta Novembru (S. Andrea)[1] flosfinar mghoti bit tlieta. 3 ohra filaxia u ohra wara il Benedizioni u l’ghada mghota ta 5 min ucoll”
Dan id-daqq ta’ moti li kien isir: f’nofsinhar bit-tliet qniepen, tliet moti oħra u filgħaxija u oħra wara l-barka. L-għada imbagħad mota ta’ ħames minuti, tani x’nifhem li f’Ħaż-Żabbar hemm kult lejn Sant’Andrija. Il-kappella fl-inħawi magħrufa Sant’Andrija, kif ukoll statwa tal-ġebel li hemm maġenb l-istess żona huma xhieda biżżejjed ta’ dan.
U jekk naħsbu ftit, Sant’Andrija qiegħed fl-istess arma ta’ Ħaż-Żabbar. Tgħiduli kif? L-arma li kien iġib il-Gran Mastru Hompesch ukoll iġġorr fuqha s-Salib ta’ Sant’Andrija li bih hu ħa l-martirju.
Fil-Mużew tas-Santwarju hemm ukoll żewġ kwadri; wieħed li kien tal-kappella u l-ieħor li kien taħt l-artal ta’ San Mikiel.
Nhar il-Festa ta’ San Mikiel tal-1737 beda l-Viżita Pastorali tiegħu fil-Knisja ta’ Ħaż-Żabbar, l-isqof Paolo Alpheran De Bussan. F’dawn il-visti pastorali, l-isqof jew il-mibgħut tiegħu kien irid jara kollox, idur il-knisja sew u l-knejjes filjali marbuta mal-knisja. Dan biex jara li dawn huma denji tas-sagrifiċċju tal-quddies. F’din is-sena huwa jgħidilna li l-artal u l-prospettiva tal-Madonna taċ-Ċintura kienet ġdida.[2] Huwa jgħidilna li t-tieni artal tal-lemin kien qiegħed jinbena iżda kien bla titular. “Vacui” kif jgħid hu stess.[3] Dan l-artal sal-1723 fiż-żgur li kellu x-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja li llum tinsab fl-artal ta’ Santu Rokku, li jingħad li kien votiv tal-Pesta.[4] Fl-1747 meta żar mill-ġdid il-knisja, l-isqof De Bussan, sab li kien hemm fuq l-artal il-kwadru ta’ San Mikiel.[5] Fl-1754[6] l-istess isqof waqt viżita oħra jgħid li fuq l-artal kien hemm kwadru ovali ta’ Sant’Andrija.
Is-snin gerrbu u l-kwadru ovali inbidel m’ieħor tal-Bon Kunsill u maż-żmien dan ukoll spiċċa minn fuq l-artal ta’ San Mikiel. Sfortunatament, il-kwadru li tkellimna dwaru qabel, għandu bżonn restawr immedjat u għalhekk bħalissa dan mhuwiex esebit fil-Mużew minħabba l-kundizzjoni tiegħu.
[1] Il-festa ta’ Sant’Andrija kienet issir fit-30 ta’ Novembru anki fil-kalendarju l-antik.
[2] VP Bussan 1737, f. 710.
[3] VP Bussan 1737F. 711.
[4] VP Gori Mancini 1723, f. 503v.
[5] VP Bussan 1747, f. 548v.
[6] Dan imur kontra dak li jinsab miktub fl-ACM Misc 191, f. 83r, tal-inqas skont kif niżlu Karmenu Bonavia fil-ktieb Jidhirli li l-viżti pastorali tal-isqfijiet huma wieħed mill-aħjar referenzi fejn tidħol storja ekkleżjastika minħabba li t-tali kien qed iniżżel dak li jara.
コメント