top of page
kalc.png

Il-Kaless fil-Mużew tas-Santwarju – Ta’ liema Gran Mastru hu?

Il-Kaless huwa wieħed mill-aktar oġġetti storici u simboliċi li jinsabu fil-Mużew tas-Santwarju f’Ħaż-Żabbar. Dan il-kaless għandu storja twila u affaxxinanti, minsuġa fil-qalba tal-Belt Valletta u li twassalna sal-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar.


Fl-imgħoddi, il-kaless kien jinsab fid-dar numru 52, Triq Nofsinhar, fil-Belt Valletta. Sal-1630, din id-dar kienet ir-residenza ta’ Fra Aloisio Mazinghi, Prijur ta’ Capua u Balì ta’ Santo Stefano – wieħed mill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Wara mewtu, id-dar baqgħet tintuża mill-familja Mazinghi, inklużi l-Kavallieri Giacobo u Ugolino Mazinghi, ulied in-neputi tiegħu, kif ukoll Kavallier ieħor mill-istess familja.


Fis-seklu 19, fl-1862, id-dar ingħatat b’ċens ta’ 99 sena lil Sir Victor Houlton, is-Segretarju tal-Gvernatur ta’ Malta. Aktar tard, fl-1900, id-dar għaddiet għand il-Prinċep Louis ta’ Battenberg, u sussegwentement għand Charles Strickland, ħu Lord Gerald Strickland. Wara l-mewt ta’ Charles, id-dar flimkien mal-oġġetti kollha fiha, inkluż il-kaless, ġiet akkwistata mill-familja Schembri, li trasformawha f’lukanda. Illum hija magħrufa bħala l-Osborne Hotel.


Il-kaless ġie trasferit fil-Kunvent ta’ Sant’ Ursola, iżda sfortunatament, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, parti mill-kunvent ġarrab ħsarat kbar u anke l-kaless laqqatha.


Meta l-Familja Schembri ftakret fir-rabta storika bejn il-Gran Mastru Alof de Wignacourt (1601–1622) u s-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar, iddeċidiet li l-aħjar post fejn jitqiegħed dan l-oġġett storiku kien proprju fil-Mużew tas-Santwarju. Wara r-restawr neċessarju, il-kaless tqiegħed fil-mużew fejn illum jifforma parti essenzjali mill-wirt reliġjuż u storiku ta’ Ħaż-Żabbar.


Il-preżenza tal-kaless fil-Mużew ta’ Ħaż-Żabbar issaħħaħ l-identità storika ta’ Beltna mal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.


Ritratt: Facebook Żabbar Sanctuary Museum u Vassallo History

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2024 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@ZABBAR.ORG.MT

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram
bottom of page