Taf x’inhuma pilandra u trofew? Aqra aktar f’dan l-artiklu.
- Zabbar.MT Team
- 13 hours ago
- 1 min read
Permezz ta' dawn l-artikli ser nibdew nagħtu ħarsa lejn numru ta' terminoloġiji tal-festa li sfortunatament qegħdin jintilfu fost ġenerazzjonijiet ġodda, anke jekk uħud minnhom għadhom jitgawdew bil-bosta fil-festi Maltin partikolarment fil-festa Żabbarija.

Il-kelma pilandra tirreferi għal tip ta’ kolonna dekorattiva li tintuża matul il-festi Maltin biex iżżejjen it-toroq, speċjalment ħdejn il-knisja u f’punti prominenti tal-lokalità. Din il-kolonna tgħolli ‘l fuq struttura magħmula minn weraq finta, dawl ikkulurit u xi drabi wkoll figuri bħal anġli tal-kartapesta. Oriġinarjament, kienet tintrama b’tazzi taż-żejt biex tixgħel, iżda llum jintuża l- elettriku. Il-kelma pilandra hi marbuta mat-terminu piramida, minħabba l-forma li tieħu – dejqa fil-quċċata u aktar wiesgħa fil-bażi.
Il-pilandri għandhom funzjoni mhux biss dekorattiva iżda wkoll simbolika. Fil-passat kienu jintramaw tul it-triq kollha, iżda llum il-ġurnata spiss narawhom biss f’żoni ċentrali, waqt li l-bqija tat-toroq jiġu mżejna b’fustuni mdendlin.
Min-naħa l-oħra, it-trofew huwa tip ta’ kolonna artistika, ħafna drabi iktar goffa, li tintrama bħall-pilandra iżda b’aktar xogħol skulturali u dettalji elaborati. Kultant ikollu fuqu diversi figuri, globi kbar u disinji mdawrin bid-deheb jew bil-fidda.
Immaġni ta’ Saviour Camilleri – Pubblikazzjoni Nru. 25 – Festa Madonna tad-Duttrina, Ħal Tarxien
Comments