Id-Dar il-Kbira ħdejn is-Santwarju – Min għex fiha?
- Zabbar.MT Team
- Jun 24
- 2 min read
Int u ħiereġ mis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, qatt ħsibt min għex f’dik id-dar il-kbira bl-aperturi ħodor, li tinsab fil-bidu ta’ Triq is-Santwarju? Waħda mill-isbaħ faċċati fi triq storika tant maħbuba miż-Żabbarin – dar li, minkejja li ilha mibnija għal għexieren ta’ snin, għadha sal-lum turi s-sbuħija arkitettonika tagħha b’mod ċar.

Ma’ din id-dar tispikka wkoll statwa sabiħa ta’ San Ġużepp, li żżid mal-karattru u l-eleganza estetika tal-binja.
F’din id-dar għex il-Perit Giuseppe Pace, wieħed mill-aktar periti stmati ta’ Malta fil-bidu tas-seklu 20. Fost l-opri tiegħu, Pace huwa magħruf għall-pjanta li għamel tal-koppla l-ġdida u n-navi tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Huwa ħadem ukoll fuq il-pjanta tal-Istitut ta’ San Ġużepp fid-daħla ta’ Ħaż-Żabbar u fuq l-iskola primarja magħrufa bħala Skola B ta’ Beltna.
Ix-xogħol tiegħu fuq is-Santwarju jibqa’ wieħed mill-aktar proġetti distintivi tiegħu. Fl-1926, wara li l-knisja kienet sofriet ħsarat kbar, inkluż minn terremoti u interventi arkitettoniċi preċedenti, Giuseppe Pace ngħata l-inkarigu li jfassal mill-ġdid il-koppla u l-kappelli sekondarji fuq iż-żewġ naħat tal-knisja.
Dan il-proġett ma kienx biss tekniku jew strutturali, iżda wera wkoll sens qawwi ta’ sensibilità artistika u rispett lejn il-wirt storiku tal-post. Il-koppla l-ġdida, mibnija skont id-disinn tiegħu, kompliet żiedet mhux biss funzjonalità iżda wkoll eleganza lit-tempju. L-istess jgħodd għall-kappelli li żiedu spazju għall-adorazzjoni u għenu fl-andament liturġiku taż-żminijiet.
Il-kontribut ta’ Pace jibqa’ wkoll parti essenzjali mill-istorja u l-kollezzjoni tal-Mużew tas-Santwarju, fejn diversi xogħlijiet relatati mal-iżvilupp tal-knisja u l-arti reliġjuża Żabbarija jinżammu u jintwerew b’dedikazzjoni kbira.
Illum, ulied u neputijiet tal-Perit Pace għadhom jgħixu f’din id-dar sabiħa li tkompli żżejjen il-bidu ta’ Triq is-Santwarju, b’armonija mal-ambjent storiku u devot tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja. Kull sena, il-familja tkompli żżomm dan il-wirt ħaj, hekk kif iżejnu l-faċċata tad-dar bil-lewn ħadran għal żmien il-festa, bħala ġieħ lill-passat glorjuż u l-identità kulturali Żabbarija.
Yorumlar