top of page
kalc.png

Corpus: L-Infjurata, Il-Banda San Mikiel u l-Purċissjoni Bis-Sagrament


Ilbieraħ, il-komunità Żabbarija ċċelebrat b’qima u devozzjoni l-festa ta' Corpus Christi — festa li tgħaqqad il-fidi mal-għaqda komunitarja. Minkejja li matul is-snin tilfet parti mill-popolarità tagħha, din il-festa għadha ferm mistennija, speċjalment mill-familji li wliedhom ikunu qed jirċievu l-Ewwel Tqarbina.


F’dawn l-aħħar snin, flimkien mal-aspett reliġjuż, żdied ukoll l-element artistiku permezz ta’ infjurata sabiħa li tittella’ fuq iz-zuntier tas-Santwarju Żabbari. Din is-sena ma kinitx eċċezzjoni, hekk kif il-Ħadd filgħodu, dawk li żaru s-Santwarju setgħu jgawdu disinn mill-isbaħ magħmul bil-fjuri, maħdum minn madwar 20 voluntier matul il-lejl tas-Sibt.


Id-disinn tal-infjurata ta’ din is-sena kien ispirat minn madum tradizzjonali Malti u nħadem b’dedikazzjoni minn Rebecca Lia. Dan id-disinn ġie żviluppat f’diversi workshops organizzati bl-għajnuna tad-Direttorat għall-Kultura, fejn l-atturi involuti tgħallmu l-ħiliet meħtieġa għall-ħolqien tal-infjurata.


L-infjurata ttellgħet mill-Grupp tal-Armar, li ħadem bla waqfien sabiex iwettaq dan il-proġett. Il-fjuri – kollha kriżantemi – ġew ordnati apposta mill-Olanda u tqassmu f’erba’ kuluri ewlenin: abjad, roża, isfar u vjola. Barra minn hekk, intużaw weraq differenti u trab tal-irħam ikkulurit biex jagħtu l-aħħar tisbiħ lid-disinn. Il-preparazzjoni tal-fjuri u l-weraq saret matul il-ġimgħa minn membri u helpers b’attenzjoni u ħlewwa, biex finalment tqiegħdu fuq id-disinn fil-lejl ta’ qabel il-festa.


Il-qofol tal-ġurnata ntlaħaq filgħaxija, meta ħarġet mis-Santwarju l-purċissjoni solenni bis-Sagrament Imqaddes taħt il-Baldakkin. Il-purċissjoni kienet akkumpanjata mill-Banda San Mikiel, li żiedet atmosfera ta’ reverenza u devozzjoni permezz tal-innijiet reliġjużi tagħha.


Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2024 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@ZABBAR.ORG.MT

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram
bottom of page