top of page

Stajt nidħol il-każin biss biex nixtri silġa - Doris Barbara


Illum qed niċċelebraw ‘Jum il-Mara’, data li tfakkarna fl-importanza tal-mara f’ħajjitna u s-sens ta’ ugwaljanza li għandu jkun hemm bejn is-sessi, fejn persuna tkun premjata mhux għax raġel jew mara imma fuq il-kapaċitajiet tal-persuna. Dan l-ambjent hu totalment differenti minn dak ta’ ħamsin sena ilu. L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, Żabbar, hija waħda mill-Għaqdiet kulturali f’pajjiżna li tat leħen lin-nisa. Kienet l-ewwel Banda li kellha bandisti nisa fi ħdanha (Grace Bernett, fl-1954) u waħda mill-ewwel każini f’Malta li kellha l-Fergħa Nisa. Tkellimna ma’ Doris Barbara, waħda min-nisa li kellha rwoli ewlenin fl-Għaqda tagħna, fejn spjegatilna kif dan l-ambjent inbidel mas-snin.


Madwar sittin sena ilu, nisa ma kinux jidħlu fil-każini tal-Banda. Doris Barbara tirrakkontalna kif ta’ tifla li kienet, kienet tidħol biss il-każin biex tixtri silġa u jkollha toħroġ minnufih. ‘Żvog ma kellniex. Ħlief it-talkies ma konniex immorru, allura konna nintefgħu fuq il-bankina fejn il-każin nitkellmu u naraw kif se ngħinu lil dawk li qed jorganizzaw it-tombla bl-iskuża biex nidħlu fil-każin. Stajt nidħol il-każin biss biex nixtri silġa. Kemm nixtriha u noħroġ ’il barra.’



Madankollu għalkemm in-nisa u t-tfajliet ma kinux aċċettati fil-każini, bis-saħħa ta’ missierha Bertu u z-ziju Ġużeppi Barun, minn dejjem kellha mħabba speċjali lejn il-Banda San Mikiel u b’xi mod tkun involuta. ‘Niftakarni, kont għadni tifla ċkejkna, kont inkun il-ħanut ta’ missieri u kienu jiġu missieri Bertu, Fredu Said, Gian Mari Lia u Ninu Bugeja bil-flus li kienu jiġbru għan-nar tal-festa u jien fuq pitazz żgħir kont nagħmlilhom ir-rendikont’. Doris tirrakkuntalna wkoll kif kienet dejjem iddur mal-Banda San Mikiel u kif missierha dakinhar tal-marċ tat-Te Deum kien jagħlaq il-ħanut fl-10:30am u flimkien kienu jduru mal-Banda.



Fl-1981 bdiet id-diskussjoni biex tibda l-Fergħa Nisa. Dorsi kienet interessatha li tidħol u tkun parti minn din il-Fergħa ġdida, biss iz-ziju tagħha, Ġużeppi Barun (ex-kaxxier tal-Banda San Mikiel) qalilhom “ara ma tgħidulhiex biex tidħol għax kienet tqila’. Daħlet fil-Fergħa Nisa iktar tard. Dak iż-żmien Fergħa Nisa kienet ferm importanti. Apparti li kienet qed tlaqqa’ n-nisa kollha flimkien biex jorganizzaw u jgħinu fil-bżonnijiet tal-Każin, kienet il-mutur finanzjarju tal-Għaqda. Bis-saħħa tal-flus li nġabru minn din il-Fergħa saru diversi proġetti fosthom il-linfa tas-sala tal-kumitat, diversi strumenti u l-antiporta tal-Każin. Kienu jorganizzaw diversi attivitajiet, fosthom it-tombla, kompetizzjonijiet tal-Karnival u tal-kejkijiet u figolli, ġbir bieb bieb u kienu wkoll jorganizzaw lezzjonijiet tal-ħjata, tal-ganċ u tal-bizilla. Il-konkorrenza kienet waħda tajba ħafna, saħansitra l-Buckingham Palace kien ikun mimli daqs bajda meta t-tombla kienet tiġi organizzata hemm. Maż-żmien din il-Fergħa bdiet tieħu ħsieb ukoll l-wirja tal-Ġimgħa l-Kbira, kif din kibret minn wirja żgħira fil-każin, għal ġol-postijiet u iktar tard ġox-Xelter.



Fl-1996, Doris Barbara kienet l-ewwel mara fil-kumitat, fil-kariga ta’ Assistenta Kaxxiera. Meta staqsejnieha kif ħassitha li kienet mara weħidha, f’kumitat kollu rġiel, qaltilna ‘Għall-ewwel tibda tħoss li jridu jirkbuk għax tkun mara u allura qisu l-kelma tiegħek ma tkunx tiswa daqshekk. Imma jien żbukkata, trabbejt f’ħanut tax-xorb mimli rġiel u allura kelma ma kontx nibża’ ngħidha. Biss nista’ ngħid li mal-ewwel sibt appoġġ kbir u ħdimna tajjeb ħafna flimkien. Illum il-ġurnata ngħid li dawn kienu ħuti’. Doris Barbara għamlet tnax-il sena fil-Kumitat Ċentrali. B’nostalġija Doris tiftakar iż-żmien li kienu qed jinxtraw il-postijiet biex jitkabbar il-Każin u l-irwol important li kellha biex inkiseb il-post ta’ Miller.

Sa ftit tal-ġimgħat ilu Doris Barbara kienet għadha xorta waħda attiva immens fil-Kummissjoni Attivitajiet Kulturali u tagħti l-għajnuna tagħha. ‘Il-COVID waqfitni milli nkompli naħdem. Qattajt tlett kwarti ta’ ħajti ndur mal-kmamar tal-kazin. Ħdimt ħafna ma’ Ċensu Buhagiar, li nqisu bħala ħija, u nsellem ukoll lil Lawrence u Maria Buhagiar, li ninżalhom il-kappell għax huma rabbewna’.


Lil Doris Barbara staqsejnieha x’parir tagħti lin-nisa, speċjalment lil dawk li jgħinu lill-Għaqdiet tal-Banda. Dorsi qaltilna hekk: “Id-dixxiplina sabiħa wisq. Mhux li tkun argużin imma li tgħin lil dak li jkun. Trid tkun mara ta’ prinċipju, il-prinċipju sabiħ, imma meta tiżbalja għid li żbaljajt. Kull mara għandha żżomm f’moħħha l-ulied tagħha u ta’ ħaddieħor u tara li jkun hemm ambjent safi biex ħadd ma jweġġa’.’

Aħna minn qalbna nirringrazzjaw lil Doris u lil ħafna nisa oħra li ħadmu u għadhom jaħdmu b’mod volontarju fis-soċjetà tagħna. Minn qalbna nawgurawlkom l-isbaħ xewqat!


Recent Posts

See All
AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page