top of page
kalc.png

L-Umbrelel Jerġgħu Jattiraw Mijiet lejn Ħaż-Żabbar

Il-ġimgħa li għaddiet, Triq il-Kbira f’Ħaż-Żabbar reġgħet libset libsa kkulurita grazzi għal installazzjoni spettakolari ta’ umbrelel ikkuluriti. Din l-installazzjoni qed tiġbed l-attenzjoni ta’ mijiet ta’ Maltin, Għawdxin u turisti li qed iżuru l-lokal apposta biex jammiraw dan ix-xogħol artistiku.



L-idea oriġinali bdiet fl-2018, meta s-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar ta' dak iż-żmien, Marc Vella Bonnici, nieda din l-inizjattiva artistika bħala parti minn attività akbar mifruxa maċ-ċentru tal-lokal. 


Sitt snin wara, din l-inizjattiva reġgħet ħadet il-ħajja grazzi għall-impenn u d-dedikazzjoni tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D. 1883. Bosta voluntiera fi ħdan l-Għaqda ħadmu bla waqfien sabiex dan il-proġett isir realtà, u għal darb’oħra ġabu kulur u ħajja lil Beltna.


Waqt il-ġurnata tal-inawgurazzjoni, Quinton Scerri, il-President tal-Għaqda, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li bħala għaqda volontarja rnexxielna nwettqu dan il-proġett b’suċċess, bl-għan li nkomplu nsaħħu l-identità ta’ Ħaż-Żabbar u nġibu l-komunità flimkien. 


Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, l-Onor. Glenn Bedingfield, li faħħar din l-inizjattiva u rringrazzja lill-voluntiera kollha għall-kontribuzzjoni tagħhom. Huwa saħaq li proġetti bħal dawn jagħtu ħajja ġdida liċ-ċentri storiċi tal-lokalitajiet tagħna.


L-installazzjoni se tibqa’ armata għal ftit jiem oħra, sabiex iktar nies ikollhom l-opportunità jżuru u jgawdu minn din l-esperjenza unika li tkompli ssebbaħ u tagħti valur lil Ħaż-Żabbar.




Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2024 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@ZABBAR.ORG.MT

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram
bottom of page