
B’vot unanimu, nhar id-29 t’April 2018, l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar approvat it-twaqqif tal-Iskola tal-Arti u l-Mużika San Mikiel. Dan seħħ wara li sar aġġornament sħiħ tal-iStatut fejn wieħed mill-punti kruċjali li ġie maqbul, kien li se titwaqqaf din l-iskola.
Biha se jitħalla legat fejn permezz tal-iskola se jiġu mħarrġa ż-żgħażagħ fil-mużika u l-arti, mhux biss biex tkompli tikber il-Banda San Mikiel, iżda wkoll biex jitkattru aktar talenti f’pajjiżna. Barra l-iskola, is-Soċjetà investiet fi studjow attrezzat biex jintuża għar-rekordings. L-iskola tal-mużika tal-Banda San Mikiel hija waħda mill-aqwa u dan jixhdu n-numru sabiħ ta’ allievi li lkoll jitgħallmu l-mużika senza interessi.

It-tnedija ta’ din l-iskola tal-Arti u l-Mużika saret mill-President Emeritu, Marie-Louise Coleiro Preca s-Sibt 25 t’Awwissu 2018 f’għeluq il-135 ta’ din is-Soċjetà. Fl-indirizz tagħha, il-President semmiet li din is-Soċjetà, “permezz tat-tiġdid innovattiv, qed turi li din is-Soċjetà se tkun pedina importanti fl-iżvilupp sħiħ u ħolistiku tat-tfal u ż-żgħażagħ, permezz tal-kultura u l-arti.
Din is-Soċjetà se tkun katalista biex jinħoloq aktar żvilupp fil-komunità tal-Każini tal-Banda, li għad għandhom importanza għax joffru spazju sigur lill-membri tal-komunitajiet tagħna.” Permezz ta’ din l-iskola, is-Soċjetà baqgħet tibni fuq il-pedamenti sodi li ħallewlha missirijietha u kienet kapaċi tiġġedded u taġġorna ruħha maż-żminijiet anki fejn jidħol it-tagħlim mużikali.
Comments