L-Erbgħa tat-Tniebri hija attività organizzata mill-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Din l-attività li ħadet isimha mill-jum li proprju issir fih, teħodna lura elfejn sena, hekk kif it-toroq Żabbarin jilqgħu l-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Attività li tibda mill-Każin tal-Għaqda ġewwa Misraħ is-Sliem, fejn fiha jipparteċipaw il-Banda San Mikiel, l-iscouts ta’ Ħaż-Żabbar u x-Xgħajra, kif ukoll ‘il fuq minn 120 personaġġ li jinkludu personaġġi bibliċi kif ukoll dawk tradizzjonali Maltin.
Din is-sena l-attività se tkun mifruxa iktar. Il-ħruġ li jibda fis-7:00pm, jinkludi siltiet ta’ marċi funebri kif ukoll innijiet, fejn s-soprano Mardy Farrugia se takkumpanja l-Banda billi wkoll għall-ewwel darba se nilqgħu l-vara, xogħol antik ta’ Wistin Camilleri, li se tkun qed takkumpanja l-purċissjoni. Il-purċissjoni se tgħaddi minn Misraħ is-Sliem, Misraħ San Ġakbu, Triq ix-Xgħajra, Triq il-Karmnu, Triq is-Santwarju, Misraħ Medjatriċi, Triq Hompesch, Triq il-Kbira u lura Misraħ is-Sliem. Fi Triq is-Santwarju se jkun hemm kummentarju fejn jagħti t-tifsira tal-personaġġi li qed jieħdu sehem fil-pageant. Triq il-Kbira wkoll se tkun mixgħela b’diversi xemgħat.
Il-programm tad-dħul, li jibda għall-ħabta tat-8:30p.m. ġewwa Misraħ is-Sliem, jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Kor ta’ Phylicienne Brincat Voice Academy. Wara d-dħul se jkun hemm dramm b’laqtiet kontemporanji, miktub minn Luca Lorenzo, b’siltiet mużikali oriġinali b’mużika ta’ Dominic Cini u lirika ta’ Brian Bonnici.
Commentaires