Il-mina ta’ Hompesch tibqa’ msemmija għall-Gran Mastru Ferdinand von Hompesch zu Bolheim, li kien l-aħħar Gran Mastru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann qabel kellhom iħallu gżiritna. Fl-10 ta’ Settembru 1797, jum il-festa tal-Madonna tal-Grazzja daħal bħala Sultan f’Ħaż-Żabbar, il-Gran Mastru Hompesch.
Għal din iż-żjara, il-poplu kien ħejjielu ark trijonfali tal-injam. Kien twaqqaf fuq tmien kolonni, b’żewġ statwi, erba’ vażuni tal-fjuri bl-arma tal-Gran Mastru kbira fin-nofs u b’sitt kitbiet ta’ tifħir lill-Gran Mastru miktubin b’ittri kbar fuq karti ħoxnin. F’dawk iż-żminijiet qrib dan l-ark, kien hemm niċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Biż-żmien din l-istatwa kienet tqiegħdet fuq il-bejt tad-Dar Parrokkjali, sakemm fl-aħħar sabet postha fil-Mużew tas-Santwarju. Il-poplu Żabbari mar bi ħġaru biex jagħtih merħba minn fejn kien hemm l-ark, ħalli jgħaddi minn taħtu u jkompli miexi sal-qalba tar-raħal Żabbari. B’din il-binja tal-ark, riedu jfissru li qed jistennew xi ħaġa maestuża.
Fil-fatt laqgħuh fid-daħla tal-ark, sabiex f’jum il-festa jattendi għall-quddiesa kantata solenni. Bl-għajjat ta’ “Viva l-Gran Mastru”, “Viva Hompesch” jew kif kienu jsejħulu huma “Bumpexx” jew “Ompexx”, missirijietna minnufih żarmaw u ħarġu ż-żwiemel mill-karrozzella. Rabtu ħbula twal mal-lasti tagħha u bdew jiġbduha, filwaqt li oħrajn ħadu post iż-żwiemel u b’oħrajn jimbuttawha. Ma naqsux oħrajn jakkumpanjawh rekbin fuq iż-żwiemel, id-dwieb u l-ħmir. Iż-Żabbarin, immexxijin mill-Kappillan Dun Karlu Caruana, kienu konxji li l-Qormin fl-1743 u ż-Żebbuġin fl-1777, għamlu t-talba tagħhom għat-titlu ta’ Belt lil raħalhom lill-Gran Mastri ta’ dawk is-snin.
Għalhekk missirijietna ddeċidew li jressqu rikors malajr quddiem is-Sultan Hompesch għall-grad dinjituż u ta’ ġieħ ta’ Belt fejn din it-talba ġiet milqugħa u b’hekk ir-raħal ta’ Ħaż-Żabbar ittella’ għad-dinjità ta’ Graziosa Città Hompesch (jew Gratiosa) li tfisser Ħelwa Belt Hompesch fl-14 ta’ Settembru 1797. L-akbar ringrazzjament tmur lill-Kappillan Dun Karlu Caruana għat-titlu fir-rikors ta’ “Graziosa Città Hompesch” għax kien hu li ressaq it-talba f’isem iż-Żabbarin.
Bħala sinjal ta’ gratitudni, bnew Ark Trijonfali tal-ġebel, magħruf b’Bieb Hompesch u mill-1965 ’l hawn, dan il-Bieb beda juri l-konfini minn fejn jibda Ħaż-Żabbar, wara li l-Fgura saret Parroċċa. L-ark li nafu llum, inbena bi spejjeż tas-Santwarju.
Comments