top of page

Il-Ġrajja tal-Vulcan – Biex Qatt ma ninsew

Kien fl-14 t’Ottubru 1975, meta seħħet l-isplużjoni fl-ajru fuq Ħaż-Żabbar u l-waqgħa tal-ajuplan Bomber Vulcan XM645.


Kien is-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar fejn fost il-paniku li raw quddiem għajnejhom ħafna Żabbarin, jibqgħu jiftakru l-ħoss li għamel dan l-ajruplan huwa u jisplodi. X’ġara eżatt?


Il-bdot tal-ajruplan Vulcan kien ipprova jagħmel inżul fl-Ajruport iżda madanakollu, kienu żviluppaw ħsarat, minħabba nżul ħażin fl-ajruport. Waqt li kien qiegħed ibattal il-fjuwil qrib ix-xatt tax-Xgħajra, l-ajruplan sploda ftit tal-ħin wara, li l-bdot kien iddeċieda li jkompli jtajjar l-ajruplan biex jagħmel inżul ta’ emerġenza.


F’din it-traġedja mietet Vinċenza Zammit ta’ 48 sena kif ukoll tilfu ħajjithom, ħames membri tal-ekwipaġġ tal-ajruplan li kien iffurmat minn seba’ persuni. 20 persuna oħra kienu ndarbu meta biċċiet mill-ajruplan kienu waqgħu fit-toroq ta’ Ħaż-Żabbar. Il-biċċa l-kbira tal-ajruplan kien waqa’ fi Triq is-Santwarju biswit il-Knisja Parrokkjali.


Illum il-ġurnata, wieħed għadu jista’ jara u jaqra dak li seħħ fl-1975 fil-Mużew tas-Santwarju f’Ħaż-Żabbar fejn hemm ukoll esebiti fdalijiet tal-ajruplan.


L-ajruplan wara li sploda kien ħalla straġi sħiħa fi Triq is-Santwarju f'Ħaż-Żabbar. L-ajruplan kien fuq titjira ta’ taħriġ minn Londra għal Malta u kien mistenni jdum Malta tlitt ijiem.


Kawża tal-isplużjoni mhux inqas minn għoxrin Malti, fosthom tifel ta’ madwar seba’ snin, kienu ttieħdu b’urġenza fl-Isptar San Luqa. Wara li ġew imdewwijin, tmienja minn dawk feruti, intbagħtu lejn id-dar u sebgħa oħra nżammu għal aktar kura.


Kien għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar meta l-ajruplan Vulcan deher riesaq lejn l-ajruport. Kif kien xi mitejn jarda bogħod, qabel ma mess mal-mitjar, l-ajruplan beda nieżel b'ħeffa mhux tas-soltu. Bis-sabta li ħa, il-Vulcan tajjar ir-roti tax-xellug u għal xi ħin tkaxkar fuq denbu. Dan l-episodju qasir kien il-bidu ta’ traġedja li kexkxet liż-Żabbarin.


Jidher li l-bdot kien iddeċieda li ma jkomplix jillandja u reġa’ tar. Dan irnexxielu jagħmlu.


L-ajruplan deher qed idur iżda kif kien fuq Ħaż-Żabbar dan iddisintegra u sploda. Żewġ membri tal-ekwipaġġ irnexxielhom jaqbżu bil-paraxut.


Żewġ partijiet kbar mill-ajruplan niżlu fl-iskola Primarja u fuq bejt ta’ garaxx li hemm fi Triq Santa Tereża viċin l-iskola. Għalkemm dak il-ħin fl-iskola kien hemm xi tfal u xi għalliema, fortunatament ħadd ma weġġa’. Partijiet żgħar oħra ġew fl-għelieqi fil-qrib, fuq bjut, fi djar u fi Pjazza San Ġakbu. Għadd ta' karozzi fil-qrib inħarqu bl-istess petrol li ħalla warajh l-ajruplan sekondi qabel niżel fl-għalqa.


Fi Triq is-Santwarju kien hemm konfużjoni sħiħa u fl-għelieqi ’l ġewwa minn Triq Santa Duminka, fejn straħ l-ajruplan, kien hemm storja oħra. In-nies marret bi ħġarha fuq il-post fejn kien hemm xeni deskritti minn dawk preżenti bħala 'tat-tkexkix'. Fil-ġenb ta’ din l-għalqa kien hemm l-ajruplan miksi bi dħaħen u nirien. F'ħin minnhom instemgħu żewġ splużjonijiet qawwija. Waqt li kienet qed issir ġlieda kontra n-nirien, ġriet l-aħbar li kien hemm dar li kienet qed taqbad.


Tħejja dokumentarju


Intant fl-okkażjoni tal-40 sena anniversarju minn din it-traġedja, is-Sottokumitat Edukazzjoni u Żgħażagħ fi ħdan il-kunsill lokali ta' Ħaż-Żabbar ħejja dokumentarju biex ifakkar din it-traġedja. Dan jikkonsisti f'intervisti u filmati antiki. Il-ġrajja se titfakkar b'quddiesa llum u wara jkun hemm programm qasir fejn se jintwera dokumentarju.

lill-Patruna ta' Belt Hompesch, il-Madonna tal-Grazzja, li bl-interċezzjoni tagħha ġiet evitata traġedja kbira. Infakkru u nsellmu wkoll il-memorja tal-unika vittma Żabbarija, is-Sinjura Vinċenza Zammit u l-5 membri tal-ekwipaġġ tal-Vulcan XM645.



Recent Posts

See All
AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page