top of page
kalc.png
Writer's pictureZabbar.MT Team

IL-KAPPELLA TA’ SANTA MARIJA F'ĦAŻ-ŻABBAR

Ma nafux id-data preċiża ta’ meta nbniet din il-Knisja. Madanakollu, wara żjara li għamel l-Isqof Gargallo, fl-1600, hu kiteb li kienet għadha kemm tkabbret mill-ġdid u kellha kulma jeħtieġ. Fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi, il-Knisja ta’ Santa Marija kienet tintuża bħala l-Parroċċa minħabba li s-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja kien ġarrab xi ħsarat. It-titular ta’ din il-Kappella, ma kienx dak li hemm illum ta’ Santa Marija tiela’ s-sema, iżda floku kien hemm dak tal-Madonna tal-Indirizz li kellu żewġ kuruni, waħda fuq ras il-Madonna u waħda fuq ras il-Bambin.


Dan il-kwadru llum jinsab fil-Mużew tas-Santwarju. Minfloku żżanżan titular ġdid li tpitter minn Rafel Bonnici Cali fl-1974. Dan it-titular juri lill-Madonna b’libsa bajda u mant ikħal, wieqfa fuq sħaba b’ħarsitha ’l fuq, tielgħa s-sema mwieżna minn żewġ anġli. Madwar sider il-Madonna jidhru faxex imkebbin. Fil-parti t’isfel tal-kwadru hemm speċi ta’ għar li fih qabar miftuħ, b’liżar mitluq fuq naħa waħda. Taħt is-sħaba, anġlu iżgħar mit-tnejn l-oħra, jidher iferrex ward aħmar u isfar.


Il-faċċata tal-Kappella għadha l-istess kif kienet dejjem. Il-kampnar mhux daqshekk antik għax kien inbena fil-bidu tas-seklu l-ieħor. Fuq in-naħa tax-xellug tal-faċċata, hemm dak li kien maħżen fejn kien jintuża għall-armar tal-festa mill-Każin ta’ San Mikiel. Illum dan ġie rranġat u jintuża għat-tagħlim tad-duttrina. Meta kien maħżen, kienet instabet pittura ta’ Sant’Agata u llum qiegħda fil-Mużew tas-Santwarju. L-akbar okkażjoni fiċ-ċentru hija l-festa ta’ Santa Marija li tiġi ċċelebrata nhar il-15 t’Awwissu, bl-għasar lejlet il-festa u b’quddiesa solenni filgħodu nhar il-festa.


Fil-jiem ta’ qabel issir il-quddies filgħaxija u attività soċjali quddiem il-Knisja, bis-sehem ta’ bandisti, talenti lokali, mużika, ikel u logħob. Din il-kappella għadha tintuża kuljum għall-quddies ta’ filgħodu u għat-tagħlim tad-duttrina. 


コメント


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page