top of page
kalc.png
Writer's pictureZabbar.MT Team

IL-BANDA SAN MIKIEL KIENET STRUMENTALI FIL-BINI TAN-NAVI TAS-SANTWARJU

Fil-bidu ta’ dan is-seklu, il-knisja bdiet titqies żgħira għall-popolazzjoni ta’ Ħaż-Żabbar. Inħasset il-ħtieġa li jsiru n-navi. F’Diċembru tal-1919, waqt seduta ġenerali, is-Soċjetà ħadet deċiżjoni li permezz tal-Banda San Mikiel jiġi mtella’ programm mużikali a benefiċċju tan-navi tal-knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar u b’hekk tkun t’għajnuna għall-Parroċċa biex ikunu jistgħu jinġabru l-flus għal dan il-għan. Bl-impenn tagħha, il-banda kienet strumentali fil-bini ta’ dawn in-navi, minkejja li f’dan il-perjodu pajjiżna kien milqut mill-iskarsezzi tal-oġġetti tal-ikel, il-pagi baxxi u l-faqar.


F’Ħaż-Żabbar il-ħsieb ta’ bini ta’ knisja ġdida, jew inkella li jsiru n-navi, beda jinħass lejn tmiem is-seklu 19. Dan kien effett sew, kemm tal-influwenzi arkitettoniċi f’dal-perjodu, kif ukoll iż-żieda fil-popolazzjoni li kienet dovuta l-aktar għal xogħol marbut mal-portijiet li ġibed ħafna nies mill-irħula li bdew jersqu lejn l-inħawi tal-port. F’dik il-ħabta f’Ħaż-Żabbar infetħu numru ta’ toroq ġodda fosthom Triq is-Santwarju u għalhekk żdied il-bini ġdid fl-inħawi. B’dan kollu l-knisja bdiet tinħass żgħira għas-servizz lill-poplu. Fit-12 ta’ Frar 1912 il-kappillan Dun Leopoldo Farrugia flimkien ma’ Giovanni Napoleone Montanaro il-Prokuratur tal-Knisja, ressqu t-talba għall-bini tan-navi fuq pjanta tal-arkitett Salvatore Sacco lill-Isqof Pietro Pace.


It-talba ntlaqgħet u l-bini nbena ftit ġimgħat wara fit-12 t’April 1912. Inqalgħu bosta diffikultajiet waqt il-bini, sew minħabba ż-żminijiet diffiċli tal-Ewwel Gwerra Dinjija li kawża tagħha għoliet il-ħajja u n-nuqqas ta’ xogħol fis-snin ta’ warajha li kaġun t’hekk ħafna Żabbarin kellhom jemigraw, kif ukoll minħabba nuqqas ta’ qbil bejn il-membri tal-kumitat imwaqqaf apposta, biex jaħdem fuq dan ix-xogħol kif ukoll minn sezzjonijiet tal-kleru parrokkjali. Dun Salv Sciberras (1872-1942) kien maħtur biex jiġbor il-fondi u jikkordina t-trufijiet kollha li xogħol hekk kbir jaqla’. Ix-xogħol tan-navi ġie fi tmiemu fit-30 t’April 1925. Għalkemm il-pjanta oriġinali kienet tal-Perit Salvatore Sacco, id-direzzjoni tax-xogħol kienet f’idejn il-Perit Giuseppe Pace (1860-1933) li kien joqgħod f’Ħaż-Żabbar. Il-bennej li kien imexxi x-xogħol kien Grezzju Darmanin (1867-1935), li kien imsemmi għax-xogħol metikoluż tiegħu fil-ġebla.


Ammont kbir ta’ ħaddiema kienu jagħtu ħinhom bla ħlas speċjalment fil-preparazzjoni tax-xogħol lill-bennejja bil-ġarr u ċ-ċaqliq ta’ materjal. L-arkitettura tan-navi saret b’mod li tikkumplimenta l-arkitettura oriġinali, iżda mingħajr l-iskultura dekorattiva li kien hemm qabel.

Recent Posts

See All

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page