top of page
kalc.png

53 SENA ILU L-GĦAQDA KIENET FETĦET MASĠAR F'ISIMHA

Ilum il-ġurnata, l-ambjent sar jingħata l-importanza mistħoqqa. Is-Soċjetà tagħna minn dejjem kienet katalista u tlieta u ħamsin sena ilu, eżattament is-Sibt 11 ta’ Diċembru 1971, kienet wettqet proġett importanti ta’ tisbiħ permezz ta’ tħawwil ta’ għadd ta’ siġar.


Dan il-masġar, li ngħata l-isem “Għaqda Filarmonika San Mikiel”, kien sar biswit il-park pubbliku ta’ San Klement. Il-masġar ra t-tħawwil t’aktar minn 344 siġra tal-akaċja, taċ-ċipress u l-oleandru ħdejn Bieb is-Sultan, fejn Triq il-Labour tiltaqa’ ma’ Triq Bormla, biswit il-grawnd tal-futbol ta’ St Patrick’s. Sena wara, f’Novembru 1972, is-Soċjetà ħadet ħsieb it-tħawwil ta’ 25 siġra ħdejn il-Qasam tad-Djar qrib Bieb Hompesch. L-okkażjoni kienet tfakkar il-kwart ta’ seklu li l-Onor. s-Sinjorina Agatha Barbara kienet ilha fil-Parlament.


Fil-fatt hija ħawlet waħda mill-ħamsa u għoxrin siġra. Fi żmienna, u bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-140 sena anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà u bl-għajnuna ta’ bosta donazzjonijiet mis-soċi u mill-partitarji, nhar il-Ħamis 23 ta’ Frar 2023 kienu mħawla 140 siġra kommemorattiva. Kull siġra li hemm, ġiet immarkata bl-isem personalizzat tal-membri li taw id-donazzjoni għal dan il-għan.


L-Għaqda ħawlet il-maġġoranza tas-siġar f’żona ġdida ta’ 2,000m2 fil-Park ta’ San Klement magħruf aktar maż-Żabbarin bħala l-foss ta’ Ħaż-Żabbar. Bis-saħħa ta’ dawn l-inizjattivi, il-membri tal-Kumitat u l-imseħbin tal-Għaqda, ħassewhom kburin li impenjaw ruħhom biex isebbħu belthom u fl-istess waqt ikattru imħabba għas-siġar u l-ħarsien tagħhom.


Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page