top of page
kalc.png
Writer's pictureZabbar.MT Team

QATT SMAJT BIL-MISTERU TAĊ-ĊIRKU TAL-BIDNI?

Iċ-Ċirku tal-Bidni jinsab f’għalqa fit-truf tal-konfini ta’ Ħaż-Żabbar u Marsaskala. Il-forma hija għat-tond u din tinsab wara binja privata. Minkejja li għandu l-faxxinu tiegħu, dan iċ-Ċirku huwa diffiċli ferm li jkollok aċċess għalih. Iktar hemm mistoqsijiet milli tweġibiet dwar dan is-sit. Il-gżejjer Maltin huma mimlija storja, misteru u narrattiva. Għandna postijiet li huma pjuttost popolari li jafhom kulħadd u wieħed jista’ jkollu aċċess għalihom bl-akbar faċilità, iżda hemm oħrajn bħaċ-Ċirku tal-Bidni, li huma magħrufa mill-ftit u għalhekk mhumiex familjari u lanqas apprezzati kif imiss.


Dan minħabba li numru ta’ siti bħaċ-Ċirku tal-Bidni, jinsabu f’artijiet privati u għalhekk jibqgħu ’l bogħod minn għajn in-nies u hekk lanqas l-istudjużi ma jkollhom l-opportunità jagħmlu l-istudji u l-iskavi neċessarji biex jinxteħet dawl bħal pereżempju fuq iċ-Ċirku tal-Bidni. Iċ-Ċirku tal-Bidni hu sit li għadu jissorprendi sal-lum. L-għalqa ċirkolari magħrufa bħala ċ-Ċirku tal-Bidni u l-pajsaġġ tal-madwar jippreżentaw diversi skoperti arkeoloġiċi interessanti. Jingħad li jista’ jkun li kien hemm xi anfiteatru.


Madanakollu, l-arkeologi jwarrbu t-teorija tal-anfiteatru Ruman u jassumu li, il-post kif jinsab, huwa r-riżultat kif il-ġebla tal-franka nħallet maż-żmien. Sal-lum dan iċ-Ċirku tal-Bidni, li jinsab bejn Triq il-Bidni u Trejqet Wied ta’ Mazza f’Ħaż-Żabbar, għadu meqjus misterjuż tant li nħolqu diversi leġġendi folkloristiċi. Illum jidher li hemm telqa sħiħa kemm fil-binja li tinsab biswit daċ-Ċirku u anki l-għalqa nnifisha, tant li ssib kull xorta ta’ veġitazzjoni selvaġġa li tgħatti d-dehra ta’ daċ-Ċirku.


Jekk iċ-Ċirku tal-Bidni hux magħmul mill-bniedem jew sarx b’mod naturali, s’issa għadu qatt ma ġie ppruvat. Peress li tinsab fi proprjetà privata, l-iskavi x’aktarx li qatt mhuma se jseħħu. Minkejja dan, iċ-Ċirku tal-Bidni kien skedat għall-protezzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar bħala sit ta’ Importanza Arkeoloġika Klassi B u Sit ta’ Importanza Xjentifika ta’ Grad 2 – li kollha jagħmlu dan il-post interessanti minkejja li ma teżisti l-ebda informazzjoni tanġibbli dwaru!


Ħajr : Bizarre Malta, Fiona Vella u Oliver Gatt

Recent Posts

See All