top of page
kalc.png
Writer's pictureZabbar.MT Team

IR-RABTA BEJN AGATHA BARBARA U L-GĦAQDA TAGĦNA

Agatha Barbara twieldet fil-11 ta’ Marzu, 1923 u mietet fl-4 ta’ Frar, 2002. Hija kienet it-tielet President ta’ Malta, l-ewwel membru Parlamentari mara f’Malta, l-ewwel Ministru mara, l-ewwel Aġent Prim Ministru mara u l-ewwel President mara.


Qabel ma daħlet fil-politika, kienet taħdem bħala għalliema. F’din il-kitba qasira, mhux possibbli li nikteb fuq is-sehem politiku tagħha fil-Partit Laburista u l-ġrajjiet li għaddiet minnhom. Il-fatt li kienet minn Ħaż-Żabbar, xprunaha biex tagħti kontribut fil-post fejn twieldet. Tant hu hekk li l-maġġoranza tal-poplu Żabbari kien itellagħha fl-elezzjonijiet ġenerali. Wara s-sehem politiku tagħha, nhar is-16 ta’ Frar tal-1982, inħatret bħala l-President tar-Repubblika ta’ Malta.


Il-Banda San Mikiel kienet għamlet marċ f’Ħaż-Żabbar biex tifirħilha għal din il-kariga. Iċ-ċelebrazzjonijiet li kienu saru biex jiġi mfakkar l-ewwel Ċentinarju tal-Għaqda wkoll jibqa’ mnaqqax b’ittri tad-deheb fl-istorja glorjuża tagħna. L-attivitajiet kienu saru bejn l-1 u l-10 ta’ Settembru tal-1983. L-aqwa fosthom kien il-programm Vokali u Strumentali mill-Banda San Mikiel taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur ta’ dak iż-żmien Mro. John J. Pace, nhar is-Sibt 3 ta’ Settembru.


Ma’ tmiem il-programm l-E.T. is-Sinjorina Agatha Barbara, dak iż-żmien President tar-Repubblika ta’ Malta u President Ad Vitam tas-Soċjetà, fetħet uffiċjalment il-każin il-ġdid. It-tberik sar minn Mons. Carmelo Xuereb, Vigarju Ġenerali. Inkixfet u tbierket lapida kommemorattiva.


Ħafna għadhom jiftakru meta Agatha Barbara kienet attendiet is-safra t’Agrigento fejn il-Banda San Mikiel kienet daqqet. Meta fi Frar 2002, Agatha ħallietna, is-Soċjetà permezz tal-Banda San Mikiel tatha tislima mistħoqqa fit-toroq Żabbarin fejn attendew ħafna persuni. Fit-23 t’April, 2006, ġie inawgurat il-monument għall-memorja tagħha f’Ħaż-Żabbar li jinsab fit-tarf ta’ Triq is-Santwarju.