top of page
kalc.png
Writer's pictureMalcolm Schembri

Il-Festa ta’ San Ġużepp u Ħaż-Żabbar


Fid-19 ta’ Marzu, ta’ kull sena niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp. San Ġużepp kien min-nisel tas-Sultan David u x-xogħol tiegħu kien ta’ mastrudaxxa f’Nażaret. Dan il-bniedem umli, twajjeb u qaddis kellu responsabbiltà mill-akbar fdata f’idejh. Lilu ġie mogħti l-privileġġ uniku li jieħu ħsieb lill-Madonna u lil Ġesù. San Ġużepp, kien magħżul minn Alla biex ikun il-Missier putattiv tal-Iben t’Alla magħmul bniedem. Għalkemm it-tagħrif dwaru huwa skars, però l-Evanġelji jsemmu li kien “bniedem ġust” li tfisser li kien imżejjen b’ħafna kwalitajiet sbieħ.


San Ġużepp dejjem baxxa rasu għar-rieda t’Alla u wera fiduċja fih:


  • Meta seħħet it-tħabbira tal-anġlu, Marija kienet diġà mgħarrsa ma’ San Ġużepp. Imma hi ma qaltlu b’xejn b’dak li kien seħħ fiha u ħalliet lil Alla jaħdem skont il-pjan tiegħu. Meta Ġużeppi ntebaħ li Marija saret omm, fil-bidu hu ħaseb li jitlaqha bil-moħbi, imma l-anġlu tal-Mulej għarraf ukoll lil Ġużeppi li dak li seħħ f’Marija kien sar bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u għalhekk biddel il-ħsieb: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu.” (Mattew 1:18). L-anġlu qallu wkoll li hu kellu jagħtih l-isem ta’ Ġesù. Imbagħad Ġużeppi ħa għandu lil Marija.


  • San Ġużepp assista lill-Madonna fit-twelid ta’ Binha. Tmint ijiem wara, ħa ħsieb li t-tifel ikun ċirkonċiż, u semmieh Ġesù kif kien amarlu l-anġlu. Erbgħin jum wara t-twelid tat-tarbija, mar fit-tempju ta’ Ġerusalemm flimkien mal-Madonna, biex jippreżentaw lit-Tarbija lil Alla, skont il-Liġi ta’ Mosè.


  • Wara twissija mill-anġlu, ħa ’l Marija u ’l Ġesù u telaq bihom minn Betlem lejn l-Eġittu fejn baqa’ sakemm miet is-Sultan Erodi li ried joqtol lit-tarbija Ġesù.


  • Meta darba Ġesù, tifel ta’ tnax-il sena, intilef, San Ġużepp baqa’ ma’ Marija jfittxuh sakemm sabuh.


Jidher li San Ġużepp miet qabel ma Ġesù ta bidu għall-ħajja pubblika, assistit minn Ġesù u minn Marija u għalhekk il-Knisja għarfitu bħala protettur tal-agonizzanti u tal-moribondi.


Fi żmienna d-devozzjoni lejn dan il-qaddis hi mxerrda ħafna, anki fostna. F’Malta d-devozzjoni lejh, inbdiet fir-Rabat fejn hemm l-Arċikonfraternità ddedikata lil dan il-qaddis kbir. San Ġużepp hu l-patrun tal-Knisja Kattolika u ta’ diversi pajjiżi u organizzazzjonijiet fejn b’mod speċjali hu protettur tal-ħaddiema. San Ġużepp hu meqjus ukoll bħala l-qaddis tas-skiet. Nhar it-8 ta’ Diċembru 1870, il-Papa Piju IX ħatru bħala l-Patrun Universali tal-Knisja kollha. F’din is-sena li qegħdin fiha, ġiet imendija s-sena Ġużeppina mill-Papa Franġisku.


Lil San Ġużepp, huwa tajjeb li nitolbuh bih mhux biss meta nkunu għaddejjin minn baħar imqalleb, iżda f’kull jum ta’ ħajjitna. Din hi talba ċkejkna li nħobb ngħid jien u tajjeb li tingħad spiss:


“San Ġużepp ta’ qalb safja itlob għalina”.

Ħarsa ħafifa lejn id-devozzjoni lejn San Ġużepp f’Ħaż-Żabbar


Fis-Santwarju Arċipretali nsibu pittura tas-Sagra Familja mpittra minn Touissant Busuttil, kif ukoll statwa artistika ta’ San Ġużepp li nħadmet fis-snin 50 tas-seklu għoxrin, fi żmien il-Kappillan Ġużeppi Zarb, xogħol l-istatwarju Għawdxi, Wistin Camilleri. L-istatwa ġiet irrestawrata s-sena li għaddietfl-2020.



Knisja oħra ddedikata lil San Ġużepp, hija dik tas-Sorijiet Dumnikani. Fiha nsibu statwa ta’ San Ġużepp, maħduma wkoll mill-istatwarju Wistin Camilleri. Statwa oħra ta’ San Ġużepp tinsab fl-Istitut tal-Ursolini. Insibu statwa tal-ġebel ta’ San Ġużepp il-Biċċieni. Din ġiet restawrata riċentament mill-Kunsill Lokali. Insibu wkoll triq imsemmija għal San Ġużepp u biswita statwa mdaqqsa ddedikata lil dan il-qaddis li tinsab f’niċċa għaliha. Fil-bidu ta’ Triq is-Santwarju, kantuniera ma' Triq Agius Muscat, insibu statwa mdaqqsa wkoll ta’ San Ġużepp imqiegħda fuq pedestall. Din l-istatwa li saret fl-1757, hija xogħol l-iskultur Ċikku Fabri.


Huwa ta’ sodisfazzjon li tara li kemm in-niċċa, kif ukoll l-istatwa ta’ Triq San Ġużepp, kif ukoll l-istatwa li hemm fi Triq is-Santwarju, li sofrew ħafna ħsarat matul iż-żmien, qed jieħu ħsieb ir-restawr tagħhom il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Jalla ma ndumux ma naraw is-sbuħija tagħhom ħalli jkunu jistgħu jitgawdew minna lkoll.




Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page