Il-Banda San Mikiel minn dejjem kienet imfittxija kemm lokalment u anki fuq livell internazzjonali. Fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ meta r-Reġina Eliżabetta II telgħet fuq it-tron, fl-1954, il-Banda San Mikiel daqqet kunċert li ġie rrekordjat u mxandar fuq it-televiżjoni Ingliża.
Il-Banda San Mikiel kienet l-ewwel Banda Maltija li dehret fuq it-televiżjoni Ingliża, b’rabta maż-żjara li r-Reġina Eliżabetta II kellha tagħmel fi gżiritna bejn it-3 u s-7 ta’ Mejju 1954. Id-dokumentarju kien intwera f’żewġ taqsimiet fuq l-istazzjon televiżiv tal-British Broadcasting Corporation fl-Ingilterra fil-21 ta’ Mejju u t-2 ta’ Lulju ta’ dik is-sena stess. Bis-sehem tagħha f’dan id-dokumentarju televiżiv ta’ 40 minuta, il-Banda San Mikiel kellha l-unur li tkun l-ewwel Banda Maltija li tidher fuq stazzjon telviżiv barrani. Iż-żjara tar-Reġina Eliżabetta II kienet l-ewwel waħda tagħha bħala Reġina, peress li fl-erba’ żjarat li għamlet qabel, bejn l-1949 u l-1953, hija kienet għadha Prinċipessa. Il-ġbid tal-kunċert vokali u strumentali tal-Banda San Mikiel f’dan id-dokumentarju sar il-Ħadd 25 t’April fir-Royal Arena f’Ħaż-Żabbar.
Għal dil-okkażjoni speċjali, il-Banda kienet taħt it-tmexxija tas-Surmast Direttur tagħha, Mro. Adeodato Gatt. Għal dan il-kunċert mużikali, minbarra l-bandisti kienu mistiedna wkoll rappreżentanti ta’ għaqdiet Żabbarin. Il-post fejn sar il-kunċert kien mill-iktar ideali għax minbarra l-wesgħa enormi fil-beraħ fejn setgħet titqiegħed il-Banda, il-kap tat-tim tal-B.B.C. Mr. Hunt seta’ jidderieġi minn post aktar fil-għoli lil sħabu li kienu qed jiġbdu l-film tal-kunċert. Is-sehem tal-Banda San Mikiel fid-dokumentarju televiżiv kien ingħata prominenza kbira fil-ġurnali lokali, kemm f’ilsienna kif ukoll bl-Ingliż, fosthom “Il-Berqa”, “It-Times of Malta”, u “The Bulletin”. Rapporti b’titoli “L-Ewwel Banda Maltija fuq it-television”, “St. Michael’s Band on the television” u “Malta Band on television” kienu mżewqa b’ritratti tal-bandisti waqt il-kunċert fir-Royal mill-proprjetarju. Madwar ħames xhur wara li nġibed dan id-dokumentarju, il-Banda San Mikiel ingħatat ċertifikat “għas-sehem li ħadet fil-wirja li dehret fuq it-televiżjoni fil-21 ta’ Mejju u fit-2 ta’ Lulju 1954”.