Ħaż-Żabbar – Magħrufa bħala l-Belt fost l-aktar twajba


Hompesch Gate

Ħaż-Żabbar huwa magħruf għal bosta karatteristiċi sbieħ li jgħonu lil din il-Belt fin-nisġa kulturali, reliġjuża u soċjali tagħha. Belt li tul is-snin issawru fiha karatteristiċi uniċi li llum jagħmlu lil Beltna dik li hi.


Ħafna minnha ż-Żabbarin ngħoxew u niftaħru b’dak li għandna; l-Madonna tal-Grazzja, is-Santwarju, il-Festa, l-avveniment storiċi, il-pajsaġġ u karatteristiċi oħra li ma jibdlu lil Beltna ma’ xejn. Anke jekk tul is-snin Ħaż-Żabbar u niesu ltaqgħu ma’ diffikultajiet, dejjem kien hemm dak is-sens ta’ reżiljenza u tama għal żmien aħjar.


Ħaż-Żabbar fil-Festa
Devozzjoni

Jien Ħaż-Żabbar ma nibdlu ma xejn, twilidt u trabbejt f’dan il-post li illum parti minni. Iżda meta nħarsu lejn Beltna aħna ż-Żabbarin dejjem nitkellmu dwar il-preġji tanġibli u ninsew il-karatteristiċi sbieħ li mhux li kemm qajla tgħid issibhom kullimkien.


Is-sens altruwist, ta’ bosta nies li dejjem lesti li jgħinu, id-devozzjoni sabiħa lejn il-Madonna tal-Grazzja, is-sehem soċjali b’saħħtu u d-dedikazzjoni ta’ bosta li jgħixu f’komunità li f’ħafna bnadi oħra m’għadekx toħlom li issibha. Irridu nagħmlu fiċ-ċert li Ħaż-Żabbar ma jkunx biss post fejn nabitaw iżda Belt ħajja u vibranti li tindirizza l-ħtejjeġ ta’ kulħadd miż-żgħir sal-kbir. Belt li tħaddan poplu li joffri ambjent akkoljenti fejn nifhmu l-bżonn tal-iżvilupp, iżda fuq kollox napprezzaw u nipprattikaw il-valur tas-solidarjetà.


Jien inħoss li dan għandu jkun dak li jagħmilna aħna min aħna, il-valuri ewlenin li għandna niftaħru bihom, fejn ankè meta niddubitawhom, minħabba xi azzjoni ta’ uħud li ma jkollhomx interess komuni, għandna naħdmu aktar minn qatt qabel sabiex ulied beltna jibqgħu magħqudin, f’kull aspett u f’kull indifferenza. Dan biss jista’ jkompli jfakkar li Ħaż-Żabbar huwa fost l-aktar bliet twajba f’dawn il-gżejjer.


Il-Madonna tal-Grazzja

Ritratti - Jesred Bezzina, Simon Muscat, Kunsill Lokali Zabbar

Recent Posts

See All
AQRA AKTAR ARTIKLI