
GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA
BANDA SAN MIKIEL
ŻABBAR - A.D. 1883

L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883
L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883, magħrufa bħala “Tal-Bajda” twaqqfet biex tkattar l-arti u l-kultura mużikali ġewwa Ħaż-Żabbar. Il-kulur uffiċjali tal-Għaqda huwa l-kulur aħdar u l-Patruna tal-Għaqda hija l-Patruna ta’ Ħaż-Żabbar – il-Madonna tal-Grazzja, fejn tieħu sehem bis-sħiħ fil-Festa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja li tiġi ċċelebrata l-ewwel ħadd fuq il-Vitorja; filwaqt li l-Banda hija mħarsa mill-Arkanġlu San Mikiel wara d-devozzjoni antika li missirijietna minn dejjem kellhom lejn dan l-Arkanġlu Prinċep tas-Sema u l-Għaqda torganizza festa oħra sekondarja f’ġieħ San Mikiel ġimagħtejn wara dik Titulari.
Sa fejn hu magħruf, sa minn snin qabel it-twaqqif uffiċjali ta’ din il-Banda fl-1883 bl-isem ta’ Societa` Filarmonica Del Zabbar, Mro Carmelo Abela Scolaro kien ġa ġabar xi żgħażagħ propju mill-Misraħ, fejn sal-lum għadu jiddomina s-sede tal-Għaqda, u beda jgħallimhom il-mużika. Dan kien għall-ħabta tal-1870 u dawn kienu mlaqqmin bħala d-“Dilettanti tal-Misraħ”. Iż-żmien għadda u l-Għaqda evolviet maż-żmien, biddlet isimha minn dak oriġinali ddedikat lil Ħaż-Żabbar għal Għaqda Mużikali San Mikiel taħt il-Patronċinju tal-Madonna tal-Grazzja, għal dak li huwa illum. Biddlet ukoll diversi postijiet minn fejn operat, imma baqgħet dejjem leali lejn il-post fejn il-baned Żabbarin jafu l-oriġini tagħhom – Misraħ is-Sliem. Aktar informazzjoni fuq dan kollu wieħed jista’ jsibu fis-sezzjoni Storja.

Matul iż-żminijiet, il-Banda San Mikiel kellha ħafna okkażjonijiet biex issemma’ leħinha, tista’ tgħid madwar il-gżejjer Maltin kollha. Iżda mhux biss! Kienu diversi l-pajjiżi li fihom ġiet mistiedna l-banda biex tagħti s-servizz mużikali tagħha. Sal-lum, hija l-unika banda Żabbarija li waslet biex tittimbra l-passaport tagħha biex turi t-talenti tagħha fuq livell internazzjonali.
Id-Disa’ Safriet tal-Banda San Mikiel:
L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel ħalliet xtutna għal diversi drabi dawn l-aħħar snin biex għolliet l-isem tagħha u ta’ Ħaż-Żabbar fuq l-ogħla pedestall billi tat is-sehem tagħha fil-qasam mużikali u kulturali internazzjonali. Ta’ min wieħed jinnota li l-Banda San Mikiel hija l-unika banda Żabbarija li daqqet lil hinn mill-Gżejjer Maltin. Fil-qosor se nagħtu ttwila lejn il-pajjiżi, festi, kompetizzjonijiet u tagħrif ġenerali ieħor ta’ fejn marret iddoqq il-Banda tagħna.
L-Ewwel Safra: Provinċja ta’ Catania, Tre Castagni fi Sqallija għall-Festa tat-tliet aħwa Qaddisin Martri San Alfio, San Cirino u San Filadelfio.
Dati: mis-7 sat-12 ta’ Mejju 1991
Il-Banda San Mikiel tellgħet tliet Programmi Mużikali u diversi marċi mat-toroq tal-villaġġ Tre Castagni.
It-Tieni Safra: Agrigento fi Sqallija għall-Festival Mandorlo in Fiore.
Dati: mis-6 sat-13 ta’ Frar 1994
Il-Banda San Mikiel għamlet diversi marċi u Programm Mużikali viċin it-tempju Della Concordia.
It-Tielet Safra: Wara s-suċċess miksub ġewwa Agrigento ġo Sqallija, il-Banda San Mikiel reġgħet ġiet mistiedna fl-istess Belt (Agrigento).
Dati: mit-3 sa l-10 ta’ Frar 1995
Għal darb’oħra, il-Banda San Mikiel għamlet diversi marċi u Programmi viċin it- tempju Della Concordia.
Ir-Raba’ Safra: Ruma u Fornavo Taro f’Parma ġewwa l-Italja.
Dati: mid-29 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Lulju 1996
Il-Banda San Mikiel irreġistrat wieħed mill-avvenimenti li ċertament se jibqa’ mmarkat b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Għaqda tagħna. Dan għaliex il-Banda tagħna kellha udjenza mal-mibki Papa Ġwanni Pawlu II fis-Sala Nervi ġol-Belt tal-Vatikan. Il-President tal-Għaqda ta’ dak iż-żmien is-Sur Lawrence Buhagiar, flimkiem mal-ex Kappillan Dun Kalċidon Vassallo, ippreżentaw xbiha tal-Madonna tal-Grazzja lill-Papa. Wara, il-Banda daqqet l-Innu tal-Papa u l-Innu Nazzjonali Malti. Wara nofsinhar tlaqna għall-Belt ta’ Parma fejn il-Banda tellgħet żewġ Programmi Mużikali b’suċċess kbir.
Fuq stedina tal-Kumitat tal-Ghaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel ta’ dak iż-żmien, il-Banda ‘Di Fornovesa’ ta’ Parma tat is-servizz tagħha fil-Festa tal-Madonna tal-Grazzja nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru 1996. Dakinhar kien Jum il-Festa u filgħaxija, din il-Banda mistiedna daqqet diversi marċi minn Triq is-Santwarju sas-sede tal-Għaqda, fejn wara esegwiet Program Mużikali f’Misraħ is-Sliem quddiem il-Każin.
Il-Ħames Safra: Ateni, Belt Kapitali tal-Greċja.
Dati: mill-10 sas-17 ta’ Ottubru 1997
Il-Banda San Mikiel tellgħet diversi marċi mal-belt ta’ Ateni li paxxew il-widna ta’ dawk kollha preżenti. Il-Griegi apprezzaw ferm il-livell għoli ta’ mużika u dixxiplina ta’ din il-banda popolari Żabbarija.
Is-Sitt Safra: Belt ta’ Monastir ġewwa t-Tuneżija.
Dati: mill-21 sat-28 ta’ Ġunju 1998
Il-Banda tat is-sehem tagħha b’diversi marċi u Programmi Mużikali fil-Belt ta’ Monastir fejn l-attendenza għalihom kienet waħda numeruża sew.
Is-Seba’ Safra: Belt ta’ Lugano, Svizzera.
Dati: mid- 29 ta’ Ġunju sal-4 ta’ Lulju 2000
Il-Banda San Mikiel għamlet diversi Programmi Mużikali u marċi ġewwa dil-Belt sabiħa Svizzera, Lugano. Kien ta’ unur u prestiġju kbir għall-Banda tagħna li ġejna mistiedna biex nieħdu sehem għall-Festa Nazzjonali tal-Indipendenza ta’ Lugano.
It-Tmien Safra: Festa ta’ San Mikiel Arkanġlu, Provincja ta’ Palazzo Acriede, Sqallija.
Dati: mit-30 ta’ Settembru sas-6 ta’ Ottubru 2004
Il-Banda tagħna daqqet diversi marċi mat-toroq ta’ din il-belt, fejn akkumpanjat ukoll il-Purċissjoni ddedikata lill-Patrun tal-Banda San Mikiel.
Id-Disa’ Safra: Provincja ta’ Rybnic, Polonja.
Dati: Mit-8 sal-15 ta’ Ġunju 2005
Il-Banda San Mikiel daqqet diversi marċi u Programmi Mużikali ma’ għadd ta’ baned mistiedna oħra minn madwar id-dinja. B’kollox kien hemm għaxar baned u fil-festival li ġie organizzat, kien ta’ unur u soddisfazzjon immens għalina li ġejna kklasifikati fit-tieni post. Ċertament li din kienet okkażjoni oħra fejn l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel għolliet mhux ftit isem Beltna Hompesch. Aktar minn hekk, apparti isem Ħaż-Żabbar, din id-darba rnexxielna wkoll intajru fl-għoli l-bandiera għażiża tagħna l-Maltin.
L-10 Safra Monserrat: Valenzja, Spanja
Dati: Mis-7 sal-14 ta’ Ottubru, 2017
Il-Banda San Mikiel esegwiet Programmi Mużikali bħala parti mill-festi reġjonali. Kien id-Dipartiment tal-Kultura, fi ħdan il-Kunsill ta’ ‘Ajuntament de Montserrat’ li stieden lill-Banda San Mikiel biex tipparteċipa fil-festi li jsiru fir-Reġjun ta’ Valenzja, għall-festa reġjonali ‘Dia de la Comunidad Valenciana’. Din il-festa tiċċelebra r-rebħa li r-Re Ġakbu I ta’ Aragona għamel fuq il-Misilmin (Moors) li kienu ħakmu r-reġjun. F’dawn il-festi ġewwa Valenzja jsiru diversi parati u programme, bin-nies jilbsu kostumi tradizzjonali u b’diversi logħob tan-nar madwar ir-reġjun.
11-il Safra Monte Sant’Angelo: Foggia, l-Italja
28 ta’ Settembru – 1 ta’ Ottubru, 2018
Il‑Ġimgħa 28 ta’ Settembru, is‑Sindku ta’ Ħaż‑Żabbar, is‑Sur Marc Vella Bonnici, flimkien mal‑President tal‑Għaqda s‑Sur Quinton Scerri ħadu sehem fil‑korteo simboliku li jiġu offruti x‑xemgħat tal‑wegħdi lil San Mikiel Arkanġlu minn delegazzjonijiet u ħaqdiet diversi. L‑għada, il‑Banda San Mikiel kellha l‑ewwel żewġ servizzi. Fil‑5:00pm il‑Banda ħadet sehem fil‑purċissjoni bid‑daqq ta’ diversi mari. Fid‑9:00pm il‑Banda San Mikiel esegwixxiet Programm Mużikali b’diversi siltiet ta’ mużika differenti fuq l‑istage ċentrali. Il‑Ħadd 30 ta’ Settembru, il‑Banda San Mikiel kienet mistiedna biex terġa’ tieħu sehem f’għeluq dawn il‑festi, billi ħadet sehem f’parata magħmula minn erba’ baned: il‑Banda Citta’ di Monte Sant’Angelo, il‑Banda Citta’ di Ordona, il‑Banda San Severo Symphonic Band u l‑Għaqda Madonna tal‑Grazzja Banda San Mikiel Żabbar. Spikkaw l‑istandardi tal‑Għaqda u ta’ Malta li mexxew il‑Banda li daqqet marċi Maltin.