Triq Irjali, Ħaż-Żabbar
- Gordon Caruana
- Jun 15
- 2 min read
L-iskop ewlieni tal-kitbiet tiegħi huma li bħall-karozza użata fil-film ‘Back to the Future’
noħodkhom lura fiż-żmien u nistedinkom biex tidħlu fiż-żraben taż-Żabbarin ta’ kważi mitt sena ilu u timmaġinaw kif kienet ħajjithom. Illum permezz tal-pinna se npinġilkhom kif kien jgħaddi t-traffiku, jekk tista’ ssejjaħlu hekk minn Triq Irjali fiċ-ċentru tal-belt tagħna f’nofs is-snin tletin.

Tgħiduli Triq Irjali liema hi? Mela Ħaż-Żabbar għandna Triq Irjali? L-ewwel nett tajjeb wieħed ifakkar li f’Malta, it-toroq prinċipali f’ċerti rħula kienu jissemmew ‘Strada Reale’ kif kien hemm fil-Belt u anke l-Ħamrun. Strada Reale f’Ħaż-Żabbar kienet dik li llum nafuha bħala Triq il-Kbira jew Main Street, li tibda minn Triq Bormla u tibqa sejra sa ftit qabel il-Każin ta’ San Mikiel. Qabel il-gwerra kont stajt tidħol ġo Ħaż-Żabbar bil-karozza minn Strada Reale.

Matul l-1935, persuna kitbet fil-gazzetta sabiex tiġbed l-attenzjoni tan-nies qabel isseħħ xi diżgrazzja minħabba li dak iż-żmien il-karozzi kienu jitilgħu u jinżlu minn Triq Irjali. Il-persuna li kitbet taħt l-isem ta’ ‘EGO’ qalet li t-traffiku kien kiber u żdiedu l-karozzi ta’ għamliet kbar. Dan qed jidher ukoll fit-toroq ta’ Ħaż-Żabbar fejn m’hemm xejn organizzat. Semmiet l-iktar il-karozzi tal-linja, li kollhom jgħaddu ta’ bilfors minn Triq Irjali. Kompliet tikteb li din it-triq hija dejqa kif inhija l-bankina ta’ ġo fiha. Ta’ kull waranofsinhar minn xi l-erbgħa, ir-residenti kienu joħorġu s-siġġijiet u jingumbraw il-bankina kollha. Meta ġieli kienu jinzertaw żewġ karozzi ġejjin kontra xulxin, biex jgħaddu kienu jħokku waħda mal-oħra. Min jinzerta għaddej bil-mixi kien ikollu jħokk mal-karozzi b’periklu kbir għal ħajtu, għax in-nies li kienu jkunu fuq il-bankina l-anqas kienu jitħajru jwarrbu. ‘EGO’ kien appella lill-pulizija sabiex iwarrbu lin-nies li jkun hemm bilqiegħda fuq il-bankina qabel isseħħ xi diżgrazzja.
Għalkemm l-użu tal-vetturi privati ma kienx daqshekk komuni fis-snin tletin, wieħed ma setax jgħid hekk għax-xarabanks, li kienu jintużaw iktar spiss, minħabba li mhux kull familja kellha l-karozza tagħha. Mur għidilhom lil dawk iż-Żabbarin li għexu fis-snin tletin li Triq Irjali ma kinitx se tibqa’ t-triq prinċipali tagħhom imma kellha toħdilha postha Triq is-Santwarju!
Il-Berqa 31-07-1935 - It-Trieq Irjali ta' 39; Ħaż-Żabbar
Comentarios