top of page
kalc.png
Writer's pictureMalcolm Schembri

Sehem l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel fil-Ġimgħa Mqaddsa

Wirja Mhux tas-Soltu u Peġint b'Differenza

L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, issa ilha torganizza l-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa għal diversi snin. Fis-sena 2006, twaqqfet sezzjoni biex taħdem fuq din il-wirja u ttella’ peġint ukoll bis-sehem tal-banda, imma l-wirja bdiet ħafna iktar qabel. Niftakar li fid-disgħinijiet tas-seklu l-ieħor, kienet tiġi organizzata wirja sempliċi imma sabiħa. Qabel l-2006, fil-bidu tas-seklu 21, niftakarni minn jaf kemm tajt sehmi biex tintrama l-wirja fis-sala tal-Każin. Imbagħad għal xi żmien, il-wirja bdiet tintrama fil-post li xtrat is-Soċjetà riċentament u f'dawn l-aħħar snin il-wirja bdiet tittella' fix-xelter f'Misraħ is-Sliem ġentilment misluf mill-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar, post ideali ħafna għax jagħmel il-wirja iktar interessanti bil-kmamar li fih u li fihom, dejjem ħa ssib dik ix-xi ħaġa li għandha x'taqsam mal-Ġimgħa Mqaddsa, bil-passaġġi mżejna bix-xemgħat. Fl-istess ħin qed tesponi post pubbliku u storiku li kien jintuża bħala xelter fl-attakki mill-ajruplani fi żmien il-gwerra. Imma l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel ma waqfitx fuq wirja biss għax minn ftit snin ilu 'l hawn, bdiet ukoll torganizza peġint fit-toroq Żabbarin bil-personaġġi bibbliċi bis-sehem tal-banda San Mikiel li ddoqq il-marċi funebri fit-toroq Żabbarin.



Biex jiġi organizzat dan il-peġint u l-wirja nnifisha, jinħtieġu flejjes kbar, għax mhux biss trid tinvolvi lill-banda, imma wkoll trid taħseb għall-personaġġi. Għandek ukoll il-vestwarju li jinvolvi kura u spejjeż biex tirranġa u żżid ma' li jkollok, kif ukoll affarijiet oħra li jinvolvu purċissjoni fit-triq, bħal permessi eċċ. Sar bosta xogħol fejn tista’ tgħid li ħafna mill-attrezzatura hija proprjetà tas-Soċjetà fejn fost l-oħrajn, inħadmu l-bandalori tas-seba' kelmiet, l-arka tal-patt u bosta lbies li jintużaw waqt il-peġint. Tajjeb li nħeġġu lil min jieħu sehem fiha, Żabbarin u mhumiex, ħalli l-peġint ikompli jikber.


Marċi Funebri

La qed nitkellem fuq il-wirja u l-peġint li jsir, ma nistax ma nsemmiex is-sehem li tagħti l-banda San Mikiel. L-ewwel nett, il-banda għandha repertorju sabiħ ta' marċi funebri. Il-banda tkun armata tabilħaqq għal din l-okkażjoni sagra u l-marċi funebri li jindaqqu, huma lkoll ta' kompożituri li għamlu isem bil-kompożizzjonijiet funebri tagħhom. Is-Soċjetà rrekordjat żewġ settijiet ta’ marċi funebri, l-ewwel wieħed fuq tejp fl-1988 taħt id-direzzjoni tal-eks Surmast tal-Banda Charles Wallace Suda fejn iktar tard, fl-2002, dawn l-istess marċi funebri fl-2002, saru fuq CD. Iktar tard lejna, fl-2018 ġiet irrekordjata CD oħra bil-marċi funebri.


Jalla l-futur ta’ dawn il-festi mqaddsa, jitkompla billi nibqgħu nieħdu ħsieb u nieħdu sehem f'dawn il-festi li fihom infakkru t-tbatija, il-mewt u l-qawmien ta' Ġesù Kristu.


Ritratti - Simon Muscat

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page