top of page
kalc.png

SEGWI F'DAN L-ARTIKLU FILMATI AWTENTIĊI MIT-TRAĠEDJA TAL-VULCAN F’ĦAŻ-ŻABBAR


Sitta mejta, għoxrin midruba u ħerba f’Ħaż-Żabbar. Il-ġrajja li din is-sena tagħlaq 50 sena u li tibqa’ mnaqqxa fl-istorja ta’ Beltna, meta nofstanhar ta’ Ottubru biddel lil Ħaż-Żabbar f’xena ta’ terrur.


Ajruplan militari tat-tip Avro Vulcan B.2 bin-numru tas-serje XM645 tar-Royal Air Force kien fi triqtu minn Waddington, fl-Ingilterra, lejn l-ajruport ta’ Ħal Luqa, meta tilef il-kontroll u waqa’ fuq Ħaż-Żabbar. L-inċident ħalla ħames membri tal-ekwipaġġ u mara Żabbarija mejta.


Vincenza Zammit, ta’ 48 sena, kienet miexja lejn id-dar wara li marret għand tal-merċa, bil-ħsieb li żżur lil ommha li kienet toqgħod fi Triq is-Santwarju. Hekk kif kienet sejra lejn dar t'ommha, intlaqtet minn debris, probabbilment biċċiet tal-ajruplan u fjuwil jaqbad, li kienu mxerrda tul it-triq mal-impatt.


Xhieda ddeskrivew kif gelgul ta’ fjuwil niżel fuq Triq is-Santwarju u ħa n-nar mill-ewwel. Propju f’dak il-mument, meta Vincenza kienet qed taqsam it-triq, intlaqtet minn dan il-fjuwil u tilfet ħajjitha.



Vincenza Zammit tibqa’ l-unika persuna Żabbarija li tilfet ħajjitha fl-inċident.


F’din it-traġedja jibqa’ jissemma wkoll Kevin Falzon, it-tifel Żabbari li ndarab waqt li kien fl-iskola primarja fil-ħin tal-inċident.


Bord ta’ inkjesta formali kien iddetermina li l-inċident seta’ ġie evitat, u attribwixxa r-responsabbiltà prinċipalment għal żball mill-pilota – b’mod partikolari mill-kopilota, li ma kienx infurmat biżżejjed u xorta tħalla jieħu ħsieb l-inżul.


Minkejja d-devastazzjoni li seħħet f’Ħaż-Żabbar, inkluż il-mewt ta' Vincenza Zammit, din il-ġrajja hija meqjusa minn bosta Żabbarin bħala miraklu. Bħala ġest ta’ radd il-ħajr, fil-25 ta’ Ottubru 1975 saret purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja.


Bħalissa Chanelle Demicoli, żagħżugħa Żabbarija, qed taħdem fuq dokumentarju speċjali li jfakkar il-50 anniversarju minn din il-ġrajja storika u li għandu jiġi ppubblikat fix-xhur li ġejjin.


Ara l-filmati awtentiċi hawnhekk:



Ritratti: Jillian Mallia (GuideMeMalta.com)

コメント


AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2024 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@ZABBAR.ORG.MT

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram
bottom of page