San Patrizju f’Ħaż-Żabbar
- Gordon Caruana
- Jun 16
- 2 min read
Waqt li nkun qed nimraħ u nixtarr ġurnali antiki lokali folja folja, ħarsti mingħajr ma trid tmur fuq suġġetti b’rabta ma’ Ħaż-Żabbar. Illum se ngħidilkom x’kien isir f’Jum San Patrizju f’Ħaż-Żabbar fis-snin tletin tas-seklu l-ieħor.

Ilum il-ġurnata ż-żgħażagħ jistennew is-17 ta’ Marzu, il-festa ta’ San Patrizju biex imorru San Ġiljan għall-birra u kif jgħidu jiġġandru għax jagħmlu nofs ta’ nhar ibillu griżmejhom, imma mad-disgħin sena ilu ż-Żabbarin kienu jiċċelebraw din il-festa ta’ dan il-qaddis patrun tal-Irlandiżi b’mod kemxejn differenti. X’kienu jagħmlu? Il-Kumitat fi ħdan is-St Patrick Club ta’ Ħaż-Żabbar kien itella’ festin kbir permezz ta’ kunċert mużikali li kien isir fit-Teatru Alfieri. Forsi qed tistaqsu, dan fejn kien? L-Alfieri kien l-istess post fejn sa ftit ta’ snin ilu, il-ġenituri u n-nanniet tagħna kienu jmorru jaraw film talkies. Dan il-post fi Triq il-Kbira (illum magħluq) kien propjetà tal-familja Massa. Nhar is-Sibt 17 ta’ Marzu 1934, fit-Teatro Cinema Alfieri kien sar programm apposta bi stedina. Is-serata bdiet b’diskors minn Dun Ċesarin Attard wara li ndaqq l-Innu tal-Papa. Waqt il-programm ġew esegwiti siltiet klassiċi fosthom mill-‘Cavalleria Rusticana’ u biċċiet mill-opra ‘Faust’. L-udjenza preżenti tpaxxiet bil-vuċijiet tat-tenur Victor Cauchi, il-baritonu
G.Rizzo u t-tenurin P.Mahoney taħt id-direzzjoni tas-Surmast żagħżugħ J. Casapinta. Dan is-Surmast wera l-ħila tiegħu mhux biss fid-direzzjoni imma bħala kompożitur għax waqt l-istess serata semma’ lin-nies preżenti mill-pinna tiegħu stess l-‘Aria e Fuga’ u l-‘Innu Grandjuż ta’ St Patrick’ li ntlaqgħu b’ċapċip kbir. Ta sehmu wkoll E.Sapiano bil-logħob tal-bużullotti.
B’hekk nistgħu ngħidu li f’Ħaż-Żabbar minbarra tal-‘Grazzja’, ‘San Mikiel’ u tad-‘Duttrina’ qabel il-gwerra kienu jiċċelebraw ukoll il-festa ta’ San Patrizju. ‘Viva San Patrizju!’
Ref: Il-Berqa 6 ta’ Marzu 1934 pg5 – Aħbarijiet ta’ Malta – ‘Festin kbir ad unur St.Patrick f’Ħaż-Żabbar’
Il-Berqa 22 ta’ Marzu 1934 pg7 – X’Jiktbulna – ‘Jum St.Patrick f’Ħaż-Żabbar’
Commentaires