Jingħalaq bieb u tinfetaħ tieqa

Updated: May 7

Għada, Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti, għal darb’oħra se torganizza ‘Fiesta Night’ - lejla ta’ xiwi u deliveries. Tkellimna ma’ ftit mill-ħafna voluntiera li jaħdmu biex din il-lejla tkun ta’ suċċess.



L-idea sfortunatament nibtet minħabba li l-Każin kellu jingħalaq u għalhekk ma stajniex inkomplu bl-attivitajiet ta’ fund raising. Ħsibna biex nibdew nippreparaw l-ikel u nwassluh wara l-bieb tal-partitarji u nies oħra li jixtru mingħandna. Xtaqna li nagħmlu xi ħaġa fejn mhux biss indaħħlu lira, imma wkoll fejn il-prodott ikun tajjeb u ġenwin u fl-istess ħin innovattiv. Niftakru fl-ewwel menu li għamilna, konna daħħalna l-Hawaiian burger, xi ħaġa innovattiva imma niżlet għasel ma’ dawk li jħobbu jesperimentaw bl-ikel.



Ippruvajna wkoll li jkollna immaġini ta’ livell u rnexxielna. Ridna niddistingwu ruħna mill-fast food normali. Anke l-isem tal-burgers, aħna każin tal-Banda u lkoll nafu kemm il-marċi huma għal qalbna. Assoċjajna l-ismijiet tal-marċi mal-ikel differenti u l-isem tal-attività nnifisha! Fiesta night, lejla ta’ festa ta’ ikel, imma wkoll lejla ta’ impenn għall-voluntiera.


Bdejna bi kċina waħda, illum noperaw minn 2 kċejjen biex nassiguraw li l-ikel ikun frisk u jsir dak il-ħin. L-ordnijiet żdiedu drastikament u dan jidher ukoll fl-enerġija li jkun hemm fil-kċejjen biex inlaħħqu mal-ordnijiet li jibqgħu deħlin sal-aħħar mument. Apparti l-kċina, fejn il-voluntiera għandhom għadma iebsa, żgħażagħ oħra jieħdu ħsieb li jieħdu l-ordnijiet, jippreparaw il-basktijiet u jwasslu l-ikel fil-ħin. Bejn is-7:00pm u d-9:00pm l-attività tkun waħda qawwija ħafna u għalhekk minn qalbna rridu nirringrazzjaw lill-voluntiera kollha, speċjalment lil dawk li għalkemm mhumiex membri fil-Kummissjoni, xorta waħda jagħtu ħinhom u l-ħiliet tagħhom biex jgħinu lill-Għaqda tagħna.


Grazzi kbira tmur ukoll lil dawk kollha li jordnaw magħna, għax filwaqt li tkunu qed tieklu tajjeb, tkunu qed tgħinu wkoll lill-Għaqda tagħna biex tkompli topera u twettaq ħidmietha. Għalhekk waqt il-Fiesta Night tat-8 ta’ Mejju se nagħtu rigal ċkejken lil dawk kollha li jordnaw, grazzi għal Flower Land.



Recent Posts

See All
AQRA AKTAR ARTIKLI