top of page
kalc.png
Writer's pictureAlan Joseph Buhagiar

Is-Soċjetà għalija hija ħajti...


Illum hija l-Festa ta' San Ġorġ Preca, l-ewwel qaddis Malti u l-fundatur tas-Soċjetà tal-MUSEUM. Ħafna minna lkoll attendejna l-mużew u niftakru f'dawk il-ġranet sbieħ li qattajna hemmhekk mal-ħbieb tagħna. Kien bix-xieraq li f'dan il-jum nitkellmu ftit maż-Żabbari u s-Superjur tal-MUSEUM, is-Sur Brian Psaila.


Brian huwa żgħażugħ dedikat u dan jidher mill-ħeġġa li għandu għall-MUSEUM u t-tfal li jattendu f'dan iċ-Ċentru. Infatti, meta lis-Superjur Brian Psaila staqsejnieh xi jfisser il-MUSEUM għalih, qalilna "Is-Soċjetà għalija hija ħajti. Is-Soċjetà hija dik, li Alla sejjaħli biex nkun f’ħajti. Is-Soċjeta hija tfal u żgħażagħ u adulti li l-Mulej ilaqqgħani magħhom ta' kuljum."


Brian ilu attiv fil-MUSEUM mindu kien żgħir. Kien inkorporat bħala soċju fil-Milied tal-2006 u intagħżel bħala Superjur tal-MUSEUM ta’ Ħaż-Żabbar f’Diċembru tal-2011.



Staqsejnieh x'inhi il-missjoni ewlenija tas-Soċjetà u weġibna li l-missjoni "hija li tagħmel lil Ġesù magħruf u maħbub minn ħafna nies, mhux biss f’Malta imma anke barra minn xtutna. Allura l-missjoni tagħha hi li tgħallem. Ngħallmu mhux biss bil-kliem imma wkoll bix-xhieda tagħna. Is-Soċjetà tgħallem, għax kif kien jgħid il-Fundatur San Ġorġ Preca 'It-tagħlim tajjeb huwa l-għajn ta’ kull ġid'. Joħroġ ħafna ġid mit-tagħlim."


Iż-żminijiet jinbidlu u mal-ġenerazzjonijiet jinbidlu wkoll l-użanzi. L-istess is-soċjetà tal-MUSEUM. Kif spjegalna tajjeb Brian, filwaqt li l-għan baqa l-istess, dak li tgħallem, illum il-ġurnata inbidel il-metodu ta’ kif wieħed jgħallem. Nies, anke Żabbarin li llum għandhom ċertu età jiftakru żminijiet differenti fil-MUSEUM, it-tfal kienu jilbsu kalzetti twal, ma stajtx tmur tara film jew xi logħba futbol, ma kienx isir logħob tal-futbol fil-mużewijiet. Insemmu wkoll li ħafna mill-membri kienu jaħdmu xogħol tal-id. Illum fis-Soċjetà nsibu membri jaħdmu xogħlijiet differenti, minn xogħol tal-id, għal tobba, għalliema, etc... Illum il-ġurnata jsiru tant attivitajiet għat-tfal u żgħażagħ u ankè nbidlu ħafna mir-regoli li kienu fl-imgħoddi. "Huwa importanti li wieħed jimxi maż-żminijiet u jaddatta skont iċ-ċirkustanzi li jkun jinsab fihom. L-importanti li jibqa' l-għan tas-Soċjetà – it-tagħlim".



Aħna u nagħlqu l-intervista, is-Superjur qalilna kemm hu importanti li fil-ħajja apparti t-tagħlim, dejjem tgħaddi kelma ta' ġid u kuraġġ. "Li tgħid kelma ta’ kuraġġ lil min ikun għaddej minn żmien diffiċli f’ħajtu huwa ferm importanti u dan mhux biss fil-mużew imma anke fit-triq u fil-ħwienet." Is-Sodisfazzjon ta' Brian huwa meta jara żgħażagħ jgħażlu t-tajjeb, jaqbdu t-triq it-tajba. Sodisfazzjon ikbar għalih huwa meta jkun jaf li b’kelma jew b’azzjoni jkun sar il-ġid u l-persuna tkun tħossha ftit aħjar.


Is-Superjur għalaq l-intervista billi rringrazzja lil tant nies li ltaqa' magħhom u b’kelma ta’ kuraġġ jgħinuh jgħix din il-vokazzjoni li Alla tah biex biha jkun jistà jagħmel il-ġid lill-oħrajn. Aħna minn qalbna nirringrazzjaw lis-Superjur u lil ħafna oħra li taw il-ħidma tagħhom għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna u minn qalbna nawgurawlhom il-kumplament tal-Festa t-Tajba!