top of page
kalc.png
Writer's pictureZabbar.MT Team

IL-PELLEGRINAĠĠ TAR-ROTI U L-MUTURI

Il-pellegrinaġġ tal-muturi jaf il-bidu tiegħu fl-1 ta’ Settembru 1951 meta lejlet l-Inkurunazzjoni, 250 motoċiklist telqu f’pellegrinaġġ mis-Saqqajja r-Rabat sa Ħaż-Żabbar. Għalkemm waqaf għal sentejn, dan il-pellegrinaġġ kompla fl-1954 u baqa’ jsir kull sena barra fl-1976, meta kienu tħassru l-festi esterni, minħabba l-elezzjoni ġenerali u darb’oħra fl-1984 meta l-festa kienet saret il-Ħadd ġimgħa wara l-festa propja.


Fl-1955 ingħaqdu wkoll ir-roti f’dan il-pellegrinaġġ. Illum il-ġurnata l-pellegrinaġġ tar-roti jitlaq mir-Rabat filwaqt li l-muturi mill-Mosta. Kien fl-1990 li ġie ffurmat il-Kumitat Pellegrinaġġ Muturi u Roti. Kien fl-1996, li l-pellegrinaġġ tar-roti u l-muturi beda jsir il-Ħadd għax qabel kien isir is-Sibt waranofsinhar. Żgur li ma kienx addattat dak il-ħin għax il-Baned kienu jkunu għaddejjin bil-marċ tat-Te Deum li kien anki jdum sal-5pm. Dan il-pellegrinaġġ baqa’ jsir is-Sibt, sakemm seħħ inċident traġiku u mill-1996 ġie deċiż u beda jsir il-Ħadd fil-festa waranofsinhar.


Kienet ittieħdet deċiżjoni għaqlija u llum saru jieħdu sehem eluf ta’ ċiklisti u motoċiklisti fejn minn sena għal oħra, qed naraw l-attendenza dejjem tikber. Jien qatt ma kont dilettant la tal-muturi u lanqas tar-roti iżda kull sena nara li ma nitlifx dan l-appuntament, fejn nieħu gost narahom nistennihom ġejjin minn fuq iz-zuntier tal-knisja. Dan il-pellegrinaġġ jagħmel parti mill-festa u permezz tiegħu, dawk li jieħdu sehem, ikunu qed juru d-devozzjoni tagħhom lejn il-Madonna tal-Grazzja. Hekk kif il-pellegrinaġġ jasal quddiem is-Santwarju, l-ewwel jitbierku r-roti u jsir xi talb u wara ssir l-istess ħaġa mal-motoċiklisti. L-iktar ħaġa li nħobb nisma’ hekk kif jasal il-pellegrinaġġ hija l-għajta: “Viva l-Madonna tal-Grazzja” li tqajjimli ġismi xewk xewk. Fil-Mużew tas-Santwarju, insibu l-mudell tal-mutur tal-fidda Triumph li ngħata fl-1955, il-mudell tar-rota li ngħata fl-1956 u l-plakka li ngħatat fl-2001.


Dawn kollha kienu ingħataw wara ġbir li sar fost il-parteċipanti. Fl-2003 b’digiret mill-Vatikan, il-Madonna tal-Grazzja ġiet dikjarata bħala l-Patruna taċ-Ċiklisti. Fit-2 ta’ Settembru 2007, beda jsir il-pellegrinaġġ tat-tfal bir-roti. Dan il-pellegrinaġġ li hu organizzat mill-Kumitat Pellegrinaġġ Muturi u Roti, sab postu fil-kalendarju fejn qed isir kull sena l-Ħadd ta’ qabel il-festa u fih jattendu ħafna tfal. Hija inizjattiva sabiħa għax hekk qed jiġu mrawma t-tfal tal-preżent biex jibqgħu jżommu dawn it-tradizzjonijiet.


Recent Posts

See All

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page