Is-Santwarju Arċipretali tal-Madonna tal-Grazzja jħaddan fih erba’ Fratellanzi li waħda minnhom hi l-Fratellanza ta’ San Mikiel Arkanġlu li ġiet imwaqqfa fit-3 ta’ Novembru 1757 bil-ħsieb li tissokta tixxerred aktar id-devozzjoni lejn dan il-qaddis, li minn ħafna żmien kienet ilha teżisti f’dan il-post. Qabel l-1757 ħafna devoti kienu kull sena jiċċelebraw il-festa ta’ San Mikiel bil-ġbir ta’ bejniethom. Sa ftit snin ilu, il-Fratellanza kienet magħmula minn ftit persuni, iżda llum il-ġurnata sar ħafna xogħol biex il-Fratellanza tissaħħaħ f’kull sens kemm fil-kwantità, fejn nistgħu ngħidu li n-numru ta’ Fratelli jqarreb l-40 ruħ, kif ukoll fil-kwalità fejn saru numru ta’ proġetti u hemm imfassla oħrajn għaż-żmien li ġej. Ħdimna fuq linji gwida biex ikollna fuqiex nibnu l-Fratellanza. Hekk li ħadna deċiżjoni li l-kunfratija tkun bajda, il-muzzetta ħadra u ċ-ċinglu ħadrani, filwaqt li l-kulur taż-żarbun/slipper ikun bajdani ħalli b’hekk ikun hemm uniformità sħiħa. Inxtraw l-ingwanti bojod biex ġew imżanżna fil-festa ta’ Ħadd in-Nies tal-2023 ħalli jintlibsu kull meta nagħtu sehemna. Bdejna nieħdu l-attendenza ta’ kull individwu li jieħu sehem fl-attivitajiet li jsiru. Inħadmu wkoll diversi konfratiji u muzzetti fejn tista’ tgħid li kważi kulħadd ħallas għalihom.
Għadna nittamaw li xi darba nagħmlu l-professjoni, għax ilha issa ma ssir fi ħdan il-Fratellanza tagħna. Xewqa oħra li għandna hi li nirrestawraw il-vara ta’ San Mikiel u nittamaw li permezz ta’ rikors lill-Kurja, il-vara ta’ San Mikiel terġa’ toħroġ f’purċissjoni devota mat-toroq ta’ Ħaż-Żabbar, bħalma kienet l-aħħar purċissjoni li saret f’Settembru 1973. Apparti l-pjanijiet u l-viżjoni tagħna biex tissaħħaħ il-Fratellanza, aħna naraw kif nistgħu nkunu t’għajnuna fil-Parroċċa bi sħab mat-tliet Fratellanzi l-oħra.
F’Ħaż-Żabbar nagħtu sehemna f’dawn il-festi:
fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja, lejlietha u f’nharha
fil-quddiesa tal-festa ta’ San Mikiel
fil-purċissjoni tal-Madonna tar-Rużarju
fil-quddiesa għal ruħ il-Fratelli mejtin
fil-pellegrinaġġ ta’ Ħadd in-Nies
fil-purċissjoni ta’ Marija Addolorata
fil-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm
fil-purċissjoni bil-Vara l-Kbira
fil-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka
fil-quddiesa u fil-purċissjoni ta’ Corpus
fil-quddiesa u fil-purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesù
Għalhekk nirringrazzja lill-Fratelli kollha li jieħdu sehem matul is-servizzi li jkollna matul is-sena. Nirringrazzjaw lil kull persuna minn tfal, saż-żgħażagħ u l-kbar tas-servizzi li taw kull meta ġew imsejħa. Infakkar lil dawk li jixtiequ jissieħbu fil-Fratellanza ta’ San Mikiel, jistgħu jagħmlu dan, billi jibagħtu messaġġ fuq il-paġna ta’ facebook jew fuq fratellanzasanmikielzabbar@gmail.com.
Comentarios