top of page
kalc.png
Writer's pictureMalcolm Schembri

Il-festa ta’ Ħadd in-Nies f’Ħaż-Żabbar

Il-festa ta’ Ħadd in-Nies magħrufa bħala “tal-Grazzja ż-żgħira” għandha għeruq fondi u hi antika ħafna. Bosta devoti kienu jiġu jitolbu lill-Madonna tal-Grazzja biex taqlgħalhom xi grazzja jew itemmu xi wegħda. Dan l-iżjed li kien isir kull nhar t’Erbgħa matul is-sena. Iżda matul ir-Randan, in-numru kien jikber iżjed. Maż-żmien beda jsir il-pellegrinaġġ nhar l-ewwel Ħadd ta’ Frar u kienu jattendu għalih folol kbar ta’ nies. Għalhekk l-isem ta’ Ħadd in-Nies ħa ismu minn din l-attendenza kbira.


Iżda l-pellegrinaġġ mhux minn dejjem kien devot kif nafuh illum, għax kien hemm żmien fejn il-pellegrinaġġ ta’ Ħadd in-Nies, kien beda jitlef ħafna mit-tifsira oriġinali tiegħu u beda jsir aktar profan. Mal-miġja tal-Kappillan Dun Alwiġ Catania fl-1925, dan beda jaħseb kif jerġa’ jbiddel din il-festa f’waħda reliġjuża. Matul is-snin, bosta Kappillani raw kif għamlu biex jaraw li dan il-pellegrinaġġ filwaqt li jżomm l-ispirtu reliġjuż, ikompli jissaħħaħ u ma jispiċċax fix-xejn.


F’Ħadd in-Nies tal-1970, il-Kappillan Dun Ġużepp Zarb kien daħħal sfilata ta’ “floats” b’suġġetti Marjani kif ukoll tifkiriet ta’ rebħiet ta’ gwerer li saru bl-interċessjoni tal-Madonna. Nassumi li għamel dan biex jiġbed in-nies lejn din il-festa. F’Ħadd in-Nies tal-1976, il-Kappillan Dun Ġużeppi Vella naqqas sew in-numru kbir ta’ “floats” iżda għamel oħrajn artistiċi.


Mill-1980, Ħadd in-Nies reġa’ ħa d-dehra tal-imgħoddi billi l-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Ġużeppi Mercieca mexxa hu stess il-pellegrinaġġ mill-Kappella Santa Marija. L-Isqfijiet ta’ warajh, jiġifieri kemm Mons. Pawlu Cremona kif ukoll Mons. Charles Jude Scicluna, ilkoll ħadu sehem f’dan il-pellegrinaġġ xi darba jew oħra. Is-sena li għaddiet (2020), ħa sehem Mons. Pawlu Darmanin, Isqof Emeritu ta’ Garissa fil-Kenja.




F’Settembru 2015, is-Santwarju ġie mogħti t-titlu ta’ Arċipretali, bl-ewwel Arċipriet ikun Dun Evan Caruana. Fl-2016, ħarġet il-vara tal-Madonna tal-Grazzja mal-pellegrinaġġ u hekk għadu jsir sal-lum. Qabel il-vara ma kinitx toħroġ iddur mat-toroq, iżda kienet tintrama fuq il-presbiterju. Hekk illum Ħaż-Żabbar igawdi l-privileġġ li l-istatwa tinħareġ darbtejn, fir-Randan u fil-Festa Titulari. F’dawn l-aħħar snin, kont bdejt ninnota li l-attendenza tal-pubbliku bdiet tbatti minħabba diversi raġunijiet, imma minħabba li l-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja bdiet tinħareġ ukoll, in-nies reġgħu bdew jattendu. Biss biss, bdew jieħdu sehem bosta reffiegħa. Sas-sena l-oħra (2020), ħadu sehem 70 reffiegħ, ġejjin minn Ħaż-Żabbar u lokalitajiet oħra li lkoll jerfgħu biċċa kull wieħed. Il-pellegrinaġġ isegwi l-istatwa devozzjonali tal-Madonna tal-Grazzja flimkien mal-Arċipriet, il-Kleru, reliġjużi, rappreżentanti tas-Soċjetajiet Ċivili u Mużikali, għaqdiet tal-Parroċċa, Fratellanzi u bosta pellegrini. Wara li jispiċċa l-pellegrinaġġ, tiġi ċċelebrata quddiesa bil-parteċipazzjoni tal-kor Notre Dame.


Apparti l-“floats” li llum m’għadniex narawhom f’dan il-pellegrinaġġ, tajjeb jingħad li fil-pellegrinaġġ ta’ Ħadd in-Nies, għamlet żmien tieħu sehem ukoll il-Kavallerija tal-Pulizija. L-aħħar darba li l-Kavallerija tal-Pulizija ħadet sehem kien fl-1977.



L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, flimkien m’għaqdiet oħra kienet u għadha tieħu sehem f’dan il-pellegrinaġġ. Illum il-ġurnata, bħal dari għadha tieħu sehem fil-pellegrinaġġ bl-Istandard tas-Soċjetà bis-sehem tal-Kumitat Eżekuttiv u l-Kummissjonijiet fi ħdanha. Mill-1986 ‘l hawn, il-Banda San Mikiel dejjem rabtet isimha billi organizzat u għadha ttella’ l-kunċert ta’ Ħadd in-Nies. Dan għamlitu f’diversi postijiet kemm f’Ħaż-Żabbar kif ukoll barra Ħaż-Żabbar – fis-sala tal-Każin, fis-sala Notre Dame, fil-Knisja Sant’Andrija (tas-Salib) (2019), fil-forti Sant’Anġlu l-Birgu (2020) u u din is-sena permezz tal-midja socjali minn diveri tempji religjuzi gewwa Haz-Zabbar



Video : Grupp Armar Żabbar AD 1988