Il-Banda San Mikiel ilha ’l fuq minn 40 sena tieħu sehem nhar il-festa ta’ San Ġużepp Ħal Kirkop u dejjem tkun mistiedna mill-Għaqda Mużikali San Ġużepp. Jien niftakar meta l-festa kienet issir f’Mejju u l-Banda San Mikiel kienet iddoqq il-Ħadd filgħaxija nhar il-festa billi l-ewwel tagħmel marċ qasir u wara programm mużikali. Meta mbagħad, il-festa bdiet tiġi ċċelebrata fit-tieni Ħadd ta’ Lulju, il-Banda San Mikiel bdiet tagħti sehemha, kif kien isir qabel u kif għadha tagħmel sal-lum.
Iżda biex ġara dan, kellha tirrifjuta s-servizz li kienet tagħmel fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu l-Fgura għax għamlet żmien iddoqq hemmhekk il-Ħadd filgħaxija b’marċ qasir u programm mużikali wkoll. Issa ġara li meta dawn iż-żewġ festi bdew jaħbtu flimkien, is-Soċjetà kellha tagħżel u peress li l-Banda San Mikiel kienet ilha tieħu sehem fil-festa ta’ San Ġużepp, ġie deċiż li tingħata preċedenza lil din il-festa u s-Soċjetà qatt ma ħarset lura u bqajna nieħdu sehem dejjem fiha. Apparti r-rabta ta’ ħbiberija li għandna mal-Għaqda Mużikali San Ġużepp li tmur lura għal aktar minn 40 sena, l-Għaqda tagħna hija kburija li ttella’ programm mużikali li l-qofol tiegħu jintlaħaq lejn l-aħħar tal-purċissjoni meta l-Banda San Mikiel, akkumpanjata b’żewġ vuċijiet u Kor (dan l-aħħar qed jieħu sehem il-Kor Parrokjali Notre Dame ta’ Ħaż-Żabbar), tesegwixxi l-Innu l-Kbir ta’ San Ġużepp ta’ Mro Joseph Abela Scolaro, innu twil u melodjuż, filwaqt li l-istatwa ta’ San Ġużepp tieqaf quddiem il-Banda San Mikiel.
Aħna nirringrazzjaw lill-Għaqda Mużikali San Ġużepp tal-fiduċja li turi lejn il-Banda San Mikiel billi ta’ kull sena tibqa’ tistieden lill-Banda tagħna biex tagħmel dan is-servizz fejn fih il-Banda San Mikiel dejjem toħroġ bl-unuri kollha.
Comments