Ninsabu mitt jum ’il bogħod mill-festa tant għalina ż-Żabbarin – Il-Festa tal-Madonna tal-Grazzja, il-patruna tal-Għaqda tagħna.
Hekk kif ninsabu 100 jum ’il bogħod minn dan il-jum tant mistenni bħalissa għaddej xogħol bla waqfien mill-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel u l-Kummissjonijiet fi ħdan l-Għaqda sabiex mill-ġdid terġa' tiġi ċċelebrata l-festa wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija Covid-19.
Fid-dawl tal-inflazzjoni ekonomika u diffikultajiet ekonomiċi oħra, ir-ritorn tal-festa huwa sfida kbira, iżda l-Għaqda tagħna hija impenjata li tagħti ġieħ lill-patruna tagħna b’ċelebrazzjonijiet kif jixraq matul ix-xhur ta’ Awwissu u Settembru.
Is-Soċjetà tagħna hija waħda mill-ftit Soċjetajiet mużikali f’pajjiżna li l-pandemija ma waqfithiex milli tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha, fost l-oħrajn bl-attivitajiet mużikali li ġew organizzati waqt il-pandemija. Mhux biss is-Soċjetà ħadet sehem fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja kemm tal-2020 kif ukoll tal-2021, iżda anki organizzat attivitajiet mużikali oħra matul ix-xhur tas-sena, filwaqt li osservat il-protokolli tas-saħħa. Fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja tas-sena li għaddiet (2021), il-Banda San Mikiel għamlet kunċert mużikali nhar il-Ħamis fil-ġimgħa tal-festa, kif ukoll kienet l-unika Banda Maltija li daqqet u organizzat b’suċċess u skont il-protokolli l-marċi tal-Ġimgħa mgħaruf bħala
l-Aħħar Salve kif ukoll daqqet is-Sibt fit-Te Deum.
Bħal dejjem l-Għaqda tagħna hija mgħarufa għall-uniċita u li dejjem kienet minn tal-ewwel sabiex tgħolli isem Beltna. Din is-sena fl-okkazzjoni tal-225 sena anniversarju minn mindu Ħaż-Żabbar ingħata it-titlu ta’ Belt qiegħed jitħejja programm estensiv ta’ attivitajiet sabiex mill-ġdid inkunu l-banda ewlenija fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa t’Ommna tal-Grazzja.