top of page
  L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883    

L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883, magħrufa bħala “Tal-Bajda” twaqqfet biex tkattar l-arti u l-kultura mużikali ġewwa Ħaż-Żabbar. Il-kulur uffiċjali tal-Għaqda huwa l-kulur aħdar u l-Patruna tal-Għaqda hija l-Patruna ta’ Ħaż-Żabbar – il-Madonna tal-Grazzja, fejn tieħu sehem bis-sħiħ fil-Festa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja li tiġi ċċelebrata l-ewwel ħadd fuq il-Vitorja; filwaqt li l-Banda hija mħarsa mill-Arkanġlu San Mikiel wara d-devozzjoni antika li missirijietna minn dejjem kellhom lejn dan l-Arkanġlu Prinċep tas-Sema u l-Għaqda torganizza festa oħra sekondarja f’ġieħ San Mikiel ġimagħtejn wara dik  Titulari.
 

Sa fejn hu magħruf, sa minn snin qabel it-twaqqif uffiċjali ta’ din il-Banda fl-1883 bl-isem ta’ Societa` Filarmonica Del Zabbar,  Mro Carmelo Abela Scolaro kien ġa ġabar xi żgħażagħ propju mill-Misraħ, fejn sal-lum għadu jiddomina s-sede tal-Għaqda, u beda jgħallimhom il-mużika. Dan kien għall-ħabta tal-1870 u dawn kienu mlaqqmin bħala d-“Dilettanti tal-Misraħ”. Iż-żmien għadda u l-Għaqda evolviet maż-żmien, biddlet isimha minn dak oriġinali ddedikat lil Ħaż-Żabbar għal Għaqda Mużikali San Mikiel taħt il-Patronċinju tal-Madonna tal-Grazzja, għal dak li huwa illum. Biddlet ukoll diversi postijiet minn fejn operat, imma baqgħet dejjem leali lejn il-post fejn il-baned Żabbarin jafu l-oriġini tagħhom – Misraħ is-Sliem. Aktar informazzjoni fuq dan kollu wieħed jista’ jsibu fis-sezzjoni Storja.

Il-lezzjonijiet tal-mużika fi ħdan l-Għaqda tagħna jsiru fuq kull tip ta’ strument. L-allievi jinqasmu taħt żewġ strutturi. Is-Surmast tal-Banda, Mro. David Agius, jieħu ħsieb it-tagħlim fuq l-istrumenti tal-injam u perkussjoni, filwaqt li Mro. Matthew Grech jieħu ħsieb it-tagħlim fuq l-istrumenti tar-ramm.
 

Fiż-żewġ każi, qabel l-alliev jingħata strument mill-Għaqda, isir kors estensiv fit-teorija, magħruf bħala ‘Solveġġ’, li jgħin ħafna lill-alliev meta dan ikollu l-istrument. Dan għaliex l-allievi ikun kapaċi jagħraf il-mużika aħjar u b’hekk wieħed ikun jista’ jiżviluppa aktar din l-arti.
 

Barra mil-lezzjonijiet li jsiru regolari kull ġimgħa matul is-sena kollha, isiru wkoll provi għall-dawk il-mużiċisti li jkunu bdew idoqqu mal-banda, fejn tiġi spjegata l-mużika fid-dettal biex wieħed jidħol aktar fl-ispirtu waqt l-eżekuzzjoni u r-riżultat ikun pożittiv.

Il-ġranet tal-lezzjonijiet m’humiex ġranet fissi. Għalhekk min hu interessat li jibda jitgħallem xi strument, huwa mġeġġeġ javviċina lil xi membru mill-kumitat jew lill-istrutturi biex nag]tu d-data tal-lezzjoni minħabba l-fatt li din tkun iffissata skond l-eżiġenzi tal-mument.

L-għan aħħari ta’ dan it-tagħlim huwa biex jibqa’ jkollna mużiċisti ta’ livell fi ħdan l-Għaqda tagħna, kif ukoll sabiex il-mużika mpenjattiva li tiġi esegwita tista’ tgħid f’kull kunċert li ttella’ l-banda tagħna, tkun ta’ ċertu livell li jixraq lill-banda tal-ogħla kalibru fil-gżejjer Maltin. Għalhekk, l-impenn ewlieni tagħna huwa li ndoqqu mużika li ftit tkun indaqqet jew qatt ma ndaqqet minħabba d-diffikultà tagħha, għax fl-aħħar mill-aħħar dak ikun is-sodisfazzjon u mhux li ndoqqu mużika li jkollha grad baxx.
 

Barra minn hekk, is-sistema Edukattiva qed tiġi mġedda u waħda mill-affarijiet li ġew mibdula kien iċ-Ċertifikat li jingħata hekk kif tiġi fi tmiema l-iskola Sekondarja ‘School Leaving Certificate’. Kull tip ta’ attività informali li t-tfal jagħmlu barra mill-iskola, se tiġi rreġistrata f’dan iċ-Ċertifikat. Għalhekk, dawk li jkunu qed jitgħallmu mal-Banda tagħna huma eliġibbli li japplikaw u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din is-sistema l-ġdida.
 

Ħajjar lil uliedek, sħabek jew qrabatek jitgħallmu strument mal-Banda tagħna. It-tagħlim tal-mużika mal-Banda San Mikiel huwa mingħajr ħlas iżda tal-ogħla livell. Għal aktar informazzjoni ċempel lid-Delegat tal-Banda Antoine Camenzuli fuq 99457779 

bottom of page