GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA
BANDA SAN MIKIEL
ŻABBAR - A.D. 1883
Ħaż-Żabbar
Ħaż-Żabbar jinsab fil-lvant tal-gżira ċkejkna ta’ Malta, hu għandu popolazzjoni ta’ ‘l fuq minn 15,000 ruħ. Kien propju l-Granmastru Ferdinand von Hompesch li għolla lil Ħaż-Żabbar għat-titlu ta’ Citta Hompesch lejn tmiem is-seklu 19, titlu li għadha tgawdi sa llum. Hemm diversi verżjonijiet ta’ minn fejn ġej l-isema ta’ Ħaż-Żabbar. Hawn min jgħid li ġej minn xi kunjom u hawn min jgħid li l-fatt li f’ dawk l-akkwati kienu jgħixu bosta nies bis-sengħa taż-żbir kien strumentali wara dan l-isem. Oħrajn jaħsbu li ġej minn Has-Sabar, mill-kelma sabbara, peress li ġewwa din il-belt jinstab is-Santwarju antikissimu tal-Madonna tal-Grazzji. Oriġinarjament, Ħaż-Żabbar kien jagħmel parti miż-Żejtun, iżda fl-1615, inqata’ għalih b’ popolazzjoni żgħira. Bla dubju li din il-belt hekk sabiħa u rikka fl-istorja tagħha, rat bosta ġrajjiet sew glorjużi, kif ukoll ta’ niket. Fil-ftit versi li ġejjin, ser insemmu xi wħud minnhom :
1615
Kien propju fl-10 ta’ Jannar tal-1615 li Dun Angelo Pontremoli ħa l-pussess tiegħu, biex b’ hekk sar l-ewwel kappillan fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar iddedikata lill-Madonna tal-Grazzji. Minħabba d-devozzjoni kbira lejn din il-kappella, ġie mqabbad il-perit Tumas Dingli biex jibda l-bini ta’ Santwarju akbar. Dan tlesta fl-1696. Matul is-snin saru diversi alterazzjonijiet maġġuri f’ dan il-bini, biex hu dak ta’ llum. Aktar dettalji fl-artiklu dedikat lis-Santwarju.
1797
Fl-10 ta’ Settembru tal-1797, wara li ż-Żabbarin kienu ilhom ħafna jippreparaw, il-Gran Mastru ta’ dak iż-żmien, Ferdinand von Hompesch, żar lil dan ir-raħal. Trid tara lil kulħadd f’ temp mill-isbaħ, liebes l-isbaħ ilbies bin-nisa ċ-ċulqana u l-għonnella, u l-irġiel il-fustan u l-milsa. Kien propju għal dik l-okkażjoni, li ġiet mibnija l-Mina ta’ Hompesch u li minna hu għaddha b’ mod solenni fost għajjat bħal Evviva s-Sultan tagħna. Wara li ġie akkumpanjat lejn is-Santwarju, hu ltaqa ma xi 30 dinjitarju, qal talba ċkejkna fuq iz-zuntier u ħa sehem f’ quddiesa. Kien f’ dan il-ħin li l-Kappillan Caruana ppreżenta petizzjoni lill-Granmastru bit-talba li dan ir-raħal jingħata t-titlu ta’ belt, talba li ġiet milqugħha 4 ijiem wara b’ digriet maġisterjali li jgħolli l-Ħaż-Żabbar għal Gratiosa Civitas Hompesch.
1798 – 1800
F’ dan iż-żmien, il-Franċiżi ħabtu għal Malta u temmew il-ħakma tal-kavallieri li kienet ilha madwar 268 sena. Huma għamlu ħerba minn diversi binjiet u opri t’ arti li kienu ħallew il-kavallieri. Ħaż-Żabbar iżda ra battalja qalila nhar it-8 t’ Ottubru tal-1798. Kienu bosta l-vittmi qalbiena iżda ż-Żabbarin ħarġu rebbieħa u kienu ta’ eżempju għall-bqija tal-poplu Malti. B’ turija ta’ ringrazzjament, l-iskultur bravu Marjanu Ġerada ġie ordnat jagħmel statwa tal-ġebel li turi l-Madonna tal-Grazzja. Din tpoġġiet fil-pjazza prinċipali u l-istatwa li kien hemm tal-Immakulata Kunċizzjoni tqegħdet fiċ-Ċentru ta’ Misraħ San Ġakbu.
1883
Ġiet imwaqqfa uffiċjalment l-ewwel banda Żabbarija, Societa del Zabbar, ġewwa l-Misraħ, li kien mhux biss il-qalb ta’ Citta Hompesch iżda wkoll l-għajn tal-baned Żabbarin anke lura għal 1870 permezz taż-żgħażagħ imlaqqmin ‘ Id-Dilettanti tal-Misraħ’. Fl-1887 saret firda bi grupp ta’ mużiċisti jibqgħu ġewwa l-Misraħ bit-tmexxija ta’ Mro. Carmelo Abela Scolaro u oħrajn jagħżlu sede oħra. Dan irriżulta li Ħaż-Żabbar spiċċa b’ żewġ baned.
1940 – 1943
Il-perjodu tat-tieni gwerra dinjijja, kien wieħed ta’ prova u dieqa anke għaż-Żabbarin. Il-bumbardamenti tal-ajruplani Taljani u Ġermaniżi ħallew diversi vittmi. U dan minkejja ammont ta’ fortifikazzjonijiet li kienu jgħassu l-dawk l-akkwati. B’ tant sagrifiċċji, mad-daqq tas-sireni, ż-Żabbarin kienu jinġabru f’ ħafna xelters li għamlu huma stess. Kienu ħafna l-postijiet milquta iżda ta’ min isemmi ċ-ċimiterju u s-sagristija l-antika tas-Santwarju. Mat-tmiem tal-gwerra, b’ tant dedikazzjoni ż-Żabbarin reġgħu bnew mil-ġdid il-ħafna bini milqut.
1951
Iż-Żabbarin sa minn dejjem kienu grati lejn il-ħafna grazzji li l-Madonna spiss qalgħatilhom. Dan kienu jpattuh permezz tat-tifħir tagħhom iżda l-kappillan Zarb fl-1949 preżenta petizzjoni lill-Mosinjur Mikiel Gonzi bix-xewqa li jiġi nkurunat l-Inkwadru Titulari tal-Madonna tal-Grazzja. Fost ferħ kbir il-parruċċani offrew id-deheb tagħhom biex jiġu magħmulin żewġ kuruni, waħda għal Marija u l-oħra għall-Bambin Ġesu. Dan kollu seħħ nhar it-2 ta’ Settembru tal-1951. Il-kuruni tressqu lejn l-artal mill-Priministru George Borg Olivier f’ isem l-eluf kbar ta’ nies preżenti fi Triq is-Santwarju u f’ isem il-Maltin kolla. Ġurnata qabel kien organizzat pelegrinaġġ għall-muturi li fl-1955 kien ukoll akkumpanjat mir-roti.
1975
L-14 t’ Ottubru tal-1975 kienet u għadha ġurnata bħall-oħrajn għal ħafna. Iżda mhux għaż-Żabbarin għax kien propju f’ dik il-ġurnata li l-Madonna tal-Grazzja ħelset lil diversi persuni minn diżgrazzja kbira meta sploda ajruplan tat-tip Vulcan fuq l-inħawi. Aktar dettalji fl-artiklu Il-Waqgħa tal-Vulcan fuq Ħaż-Żabbar.
1994
Fit-22 ta’ Jannar tal-1994, il-poplu Żabbari ntalab jivvota biex jeleġġI l-ewwel Kunsill Lokali tal-istorja tiegħu. Din irriżultat hekk : 61.27% għall-kandidati Indipendenti, 33.76% għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista u 4.97% għall-kandidati tal-Alternattiva Demokratika. L-ewwel sindku kien is-Sur Thomas Farrell.
2001
Fit-2 ta’ Settembru tal-2001, ġie mqiegħed stellarju tad-deheb madwar il-Madonna tal-Grazzja fl-Inkwadru Titulari. Kien l-Arċisqof Gużeppi Mercieca li mexxa din iċ-ċelebrazzjoni solenni li ġiet imtella’ fuq iz-zuntier tas-Santwarju fil-preżenza ta’ ħafna nies mhux biss Żabbarin u iżda madwar Malta kolla. Il-kappillan kien Dun Anton Cassar. Festi kbar segwew din iċ-ċelebrazzjoni.
Dawn huma ftit mill-ħafna ġrajjiet li laqtu lil din il-belt hekk magħrufa. Bla dubju li avvenimenti oħrajn se jolqtu lil Belt Hompesch, b’ tama li jkunu lkoll pożittivi u li jkomplu jsebbħu dejjem aktar l-isem ta’ Ħaż-Żabbar.