GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA
BANDA SAN MIKIEL
ŻABBAR - A.D. 1883
Programs Tailor Made for All Needs
Il-Kummissjoni Nar u Armar
Il- Kummissjoni Nar u Armar taf it-twaqqif tagħha f’Settembru tal-1976, bl-għan ewlieni jkun il-ġbir ta’ fondi għall-festa tal-Madonna tal-Grazzja biex ikun jista’ jinxtara n-nar għall-istess festa u ssebbaħ it-toroq b’armar xieraq. Fil-funzjoni tagħha, il-Kummisjoni Nar u Armar trid tfassal il-programm tan-nar li jiġi maħruq matul il-jiem tal-festa.
Iżda din il-Kummissjoni, tħabrek ukoll biex issebbaħ l-armar tal-istess Għaqda li jintrama fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja. Biżżejjed insemmu l-ammont sabiħ t’arbli bl-antarjoli li jissimbolizzaw in-Nome di Maria u s-Salib ta’ Malta, il-bandalori b’pittura mil-isbaħ u l-kolonni kompluti bl-anġli.
Ta’ min isemmi wkoll li din il-Kummissjoni tarma żewġ kolonni kbar waħda f’ Misraħ is-Sliem bl-istatwi ta’ San Mikiel u l-Madonna tal-Grazzja fuqha, u waħda ġewwa Misraħ San Ġakbu bl-istatwa tal-Madonna tal-Assedju fuqha. Tassew li ż-Żabbarin għandhom ikunu kburin meta l-istatwa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja, f’nhar il-festa tagħha, tkun fil-pjazez hekk magħrufin ‘tal-Misraħ’.
Fil-festa ta’ l-2010, il-Kummissjoni Nar u Armar għadha żanżnet sett pavaljuni fi Triq il-Kbira. Id-disinn kien wieħed impekkabbli li ħalla impressjoni tassew sabiħa ma’ numru ta’ dilettanti li jiġu jżuru u jiċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Grazzja.
Din il-Kummissjoni wkoll tieħu ħsieb torganizza program sħiħ ta’ logħob tan-nar nhar il-festa ta’ San Mikiel, li tiġi ċċellebrata żewġt iħdud biss wara l-festa tal-Madonna tal-Grazzja. U biex dan kollu jseħħ, jiġu organizzati diversi attivitajiet ta’ fund raising fosthom afternoon teas, ikliet, serati u kompetizzjonijiet fuq il-plattini. Fl-aħħar tlett snin din il-Kummissjoni saħansittra organizzat mawriet f’Katanja ġewwa Sqallija.
Il-Kummisjoni Nar u Armar dejjem kienet u għadha taħdem għall-ġid ta din l-Għaqda biex ikollna nar ta’ kwalita u armar mil-isbaħ.