top of page

  Programs Tailor Made for All Needs    

Kummissjoni Planċier

Il-Kummissjoni Planċier fi ħdan l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883 ġiet imwaqqfa uffiċċjalment f’Ottubru tas-sena 2007. Bħal ma jindika l-isem, l-għan ewlieni ta’ din il-Kummissjoni huwa li jsir Planċier kif jixraq lill-Banda San Mikiel.
 

Ix-xewqa li jsir Planċier artistiku kienet ilha tberren fl-imħuħ ta’ ħafna partitarji kif ukoll ta’ diversi membri tal-kumitat. Xi snin ilu kien sar ix-xogħol fuq il-frame tal-ħadid, iżda l-proġett kien waqaf hemm. Kellhom jgħaddu tmien snin biex dan il-proġett kellu jitkompla.

Propju mat-twaqqif tal-Kummissjoni, saret sejħa lil diversi artisti sabiex jissottomettu d-disinji tagħhom. Kienet biċċa xogħol iebsa, għaliex d-disinji kollha kellhom dik ix-xi ħaġa speċjali, pero nistgħu ngħidu li d-disinn li ppreżenta l-artist żagħżugħ Adrian Caruana mill-Qrendi spikka fuq l-oħrajn. L-għażla waqgħet fuq id-disinn ta’ dan l-artist, u immedjatament bdiet ħidma biex il-proġett seta’ jinbeda. Saru diversi laqgħat bejn l-artist u l-membri tal-Kummissjoni kif ukoll mal-uffiċċjali tal-Kumitati. ġew preżentati d-disinni finali biex b’hekk stajna nibdew il-ħidma tagħna.
 

Għall-festa tal-2008, propju f’għeluq il-125 mit-twaqqif tal-Għaqda tagħna, ġiet imżanżna parti mill-faċċata ta’ dan il-Planċier. Nistgħu ngħidu li d-disinn huwa wieħed oriġinali għall-aħħar, speċjalment it-taraġ li jwasslek għal fuq il-Planċier.
 

Fost xogħol varju li daħlu għalih il-membri, l-iskop ewlieni ta’ kull membru huwa li niġbru l-finanzi. Infatti matul is-sena kollha jsiru attivitajiet kif ukoll ġbir mill-lokalita.  Xogħol ieħor li sar mill-membri matul 2008 – 2011 kien xogħol fuq l-istruttura tal-ħadid. Kellu jsir xi alterazzjonijiet fl-istruttura biex tikkomoda d-disinn kif ukoll il-pjazza li l-planċier jintrama fiha. Xogħol ieħor importanti huwa l-iskultura, fejn ix-xogħol kollu meħtieġ fuq il-fibre qed isir mill-membri stess.
 

Nittamaw li fi ftit snin oħra nkunu f’pożizzjoni li jitlesta x-xogħol fuq l-injam, ħalli nkunu nistgħu nibdew ix-xogħol fuq d-dekorazzjoni u rħamar.
 

Grazzi mill-qalb tmur lil dawk kollha li qed jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom biex din il-ħolma ssir realta’ u nħeġġu aktar membri biex jidħlu fl-iskema ta’ donazzjonijiet fis-sena.

IMG_8942_-2_-3
IMG_8942_-2_-3
IMG_8944_-2_-3
DSC_0038
bottom of page