top of page
Is-Sede 

Kienu ħafna d-djar li matul is-snin servew bħala sede ta’ din l-Għaqda. Fis-sena 1889 u qabel, is-sede tas-Societa` Filarmonica del Zabbar kienet fi Pjazza San Ġakbu. Mhux magħruf eżattament fejn kien l-ewwel każin, iżda hu magħruf li f’xi żmien ma kenux f`dar waħda minħabba li ċ-Circolo twaqqaf qabel il-Filarmonica jew viċi-versa. Fil-bidu tad-disgħinijiet inġabru taħt saqaf wiehed. Fil-25 ta’ Jannar 1891, ġie inawgurat każin ġdid f’numru 6, Pjazza Prince of Wales. Aktar tard, bejn l-1898 u l-1899, il-każin mexa għal numri 8 u 9 Strada Prince of Wales. F’Ġunju tal-1902, il-każin ġarr għal numru 28, Piazza San Giacomo, filwaqt li fl-1905 mexa għal 37 u 38 Piazza San Giacomo. Bejn l-1919 u l-1920, il-każin kien fi Pjazza Prince of Wales bin-numru tas-sede mhux identifikat. F’Ottubru tal-istess sena, sar kuntratt u nxtara fejn jinsab il-każin illum. It-Tnejn 18 ta’ Settembru 1978 beda jinħatt il-każin biex seta’ jinbena każin ġdid. Frott il-ħidma tal-voluntiera, il-bżulija tal-Kumitat u l-għaqal tat-Teżorier ta’ dak iż-żmien, Ġużeppi Barun, il-Monument Ċentinarju, kif ġie msemmi, ġie inawgurat nhar it-3 ta’ Settembru 1983, eżattament  fil-festi li saru biex ifakkru l-ewwel Ċentinarju mit-twaqqif tal-Għaqda. Iżda b’Kumitati oħra ħabrieka, voluntiera ta’ qalb kbira u għaqda bejn l-imsieħba nxtraw aktar propjetajiet maġenb is-sede u propju bħalissa għaddejin xogħlijiet kbar ta’ tkabbir, estensjoni u mmodernizzar tas-sede ta’ din l-Għaqda f’Misraħ is-Sliem, Ħaż-Żabbar.

Il-ħolma tal-Kumitat Ċentrali tas-sena 1989 / 90 biex jinbena maħżen ġdid għall-armar tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja bdiet isseħħ fix-xahar ta’ Marzu 1990, meta fis-sala tal-Kumitat Ċentrali sar il-kuntratt tax-xiri tal-post bin-numru 8 fi Sqaq San Ġakbu  Numru 1.
Quddiem in-Nutar Victor Bisazza u fil-preżenza tal-Avukat tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, Dr. Pawlu Lia LLD., ġie ffirmat dan il-kuntratt li bih il-Kumitat seta’ jibda  xogħolijiet fuq dan il-maħżen il-ġdid.

Il-Kumitat ta’ dak iż-żmien ħatar lill-Perit Muscat Azzopardi biex jagħmel pjanta għal  dan il-proġett kbir li ġie approvat mill-membri tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel. Il-pjanta tiegħu ġiet imfassla saqaf fuq ieħor, b’għoli ta’ żewġ sulari. Ix-xogħolijiet bdew minnufih u kienu l-membri u l-partitarji tal-Għaqda stess li għamlu x-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni kif ukoll l-installazjoni tad-dawl u l-ilma, biex ix-xewqa ta’ ħafna saret realta’ u issa l-Għaqda kellha post fejn jintrefa’ l-armar tal-festa. Ġie deċiż li dan il-maħżen jissemma’ għall-patruna ta’ Ħaż-Żabbar u tal-Għaqda u ngħata l-isem ta’Maħżen Ommna tal-Grazzja.


Minn din il-paġna tas-sit uffiċjali tagħna nixtiequ nirringrazzjaw lil kull persuna li b’xi mod offriet l-għajnuna tagħha biex dan il-proġett twettaq.

bottom of page