GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA
BANDA SAN MIKIEL
ŻABBAR - A.D. 1883
L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883
L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883, magħrufa bħala “Tal-Bajda” twaqqfet biex tkattar l-arti u l-kultura mużikali ġewwa Ħaż-Żabbar. Il-kulur uffiċjali tal-Għaqda huwa l-kulur aħdar u l-Patruna tal-Għaqda hija l-Patruna ta’ Ħaż-Żabbar – il-Madonna tal-Grazzja, fejn tieħu sehem bis-sħiħ fil-Festa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja li tiġi ċċelebrata l-ewwel ħadd fuq il-Vitorja; filwaqt li l-Banda hija mħarsa mill-Arkanġlu San Mikiel wara d-devozzjoni antika li missirijietna minn dejjem kellhom lejn dan l-Arkanġlu Prinċep tas-Sema u l-Għaqda torganizza festa oħra sekondarja f’ġieħ San Mikiel ġimagħtejn wara dik Titulari.
Sa fejn hu magħruf, sa minn snin qabel it-twaqqif uffiċjali ta’ din il-Banda fl-1883 bl-isem ta’ Societa` Filarmonica Del Zabbar, Mro Carmelo Abela Scolaro kien ġa ġabar xi żgħażagħ propju mill-Misraħ, fejn sal-lum għadu jiddomina s-sede tal-Għaqda, u beda jgħallimhom il-mużika. Dan kien għall-ħabta tal-1870 u dawn kienu mlaqqmin bħala d-“Dilettanti tal-Misraħ”. Iż-żmien għadda u l-Għaqda evolviet maż-żmien, biddlet isimha minn dak oriġinali ddedikat lil Ħaż-Żabbar għal Għaqda Mużikali San Mikiel taħt il-Patronċinju tal-Madonna tal-Grazzja, għal dak li huwa illum. Biddlet ukoll diversi postijiet minn fejn operat, imma baqgħet dejjem leali lejn il-post fejn il-baned Żabbarin jafu l-oriġini tagħhom – Misraħ is-Sliem. Aktar informazzjoni fuq dan kollu wieħed jista’ jsibu fis-sezzjoni Storja.
Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ottubru fis-sena 1975, seħħ inċident gravi fuq beltna Hompesch li seta’ kellu konsegwenzi ħafna aktar traġiċi milli fil-fatt seħħu. Dan meta ajruplanbomber Vulcan XM645 tar-Royal Air Force kkraxxja fuq Ħaż-Żabbar wara attentat ta’ nżul ħażin fl-Ajruport ta’ Ħal-Luqa wara titjira minn RAF Waddington. Il-pilota niżel ħażin fuq ir-runway u ħa tisbita qawwija li sarrfet fi ħsarat fil-magni. Huwa reġa’ tar biex jipprova jdur mal-gżira u jinżel kif suppost. Imma l-ħsara kienet wisq u żvillupaw ħsarat fil-magni biex wasslu lill-Vulcan jiġġarraf u jikkrexxja eżattament fuq Ħaż-Żabbar. Skont l-Arkivji Nazzjonali ta’ Kew, dan l-inċident kien wieħed li seta’ jiġi evitat faċilment u l-kaptan instab li kien negliġenti fl-immaniġjar tiegħu tal-Vulcan. Huwa flimkien mal-ko-pilota rnexxilhom jaħarbu minn ħalq il-mewt billi qabżu mill-ajruplan mument biss qabel ikkraxxja. Mhux l-istess fortuna misset lill-5 membri l-oħra tal-ekwipaġġ li ħallsu b’ħajjithom in-negliġenza tal-pilota.
Barra l-ħames vittmi tal-ekwipaġġ, dan l-inċident ħalla vittma waħda biss Żabbarija. Il-vittma sfortunata kienet Vinċenza Zammit ta’ 48 sena, li dak il-ħin inzertat kienet fi Triq is-Santwarju tagħmel ix-xirja tagħha u ġiet milquta minn blokki li waqgħu mill-ajruplan. Ħafna għadhom sal-ġurnata tal-lum jiskantaw kif inċident diżastuż bħal dak ħalla vittma lokali waħda biss, filwaqt li dawk li sofrew xi ġrieħi kienu madwar 20. Il-kraxx tal-Vulcan ħalla ħerba sħiħa ġo Ħaż-Żabbar, bi Triq is-Santwarju u l-inħawi l-aktar li kienu milquta. Diversi djar iġġarrfu waħda u sew u biċċiet tal-ajruplan għadek issibhom ġo bosta djar taż-żona, ġo l-iskola primarja u wirja bil-fdalijiet ġol-Mużew tas-Santwarju. Bil-ħerba li kien hawn, ħafna nies madwar dawn il-gżejjer stqarrew li dan kien tassew miraklu li ma kienx hawn ħafna aktar vittmi, ukoll meta tqis li fil-ħin tal-inċident it-tfal tal-iskola kienu kollha miġburin fil-bitħa għall-brejk tagħhom.
Iż-Żabbarin sa mill-eqdem żminijiet kienu devoti tal-Madonna tal-Grazzja, u ħafna nies iddeskrivew dik li faċilment setgħet tkun traġedja bħala grazzja kbira li l-Madonna għoġobha tagħti lill-poplu Żabbari. Bħala ringrazzjament, saret purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja madwar it-toroq Żabbarin. Ċertament li dawk li esperjenzaw dan l-avveniment tal-biża’ jirringrazzjaw lill-Madonna kull ħin u mument, u dawk bħali li kienu għadhom lanqasbiss twieldu 35 sena ilu, xorta waħda grati mmens lejha talli żamment il-mant tagħha fuq l-għeżież tagħna. Wara 35 sena, l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel issellem il-memorja tal-unika vittma Vinċenza Zammit.
Grazzi Madonna tal-Grazzja talli pproteġejt lill-Belt Hompesch 35 sena ilu u nitolbuk tibqa’ żżommna dejjem fil-grazzja tiegħek.